Lokali

Tal-campers iridu li għalissa l-avviż legali jiġi sospiż

Protesta oħra minn tal-caravans, wara li l-Gvern ħareġ avviż legali b’regolamenti dwar t-tqegħid temporanju ta’ caravans f’numru ta’ lokalitajiet Maltin.

Il-Ħadd filgħodu…id-dilettanti tal-campers, motorhomes, tined u caravans inġabru f’Baħar iċ-Ċagħaq fi protesta kontra l-avviż legali li nħareġ mill-Gvern mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ dawn l-individwi.

Skont l-Avviż Legali li daħal fis-seħħ mil-1 ta’ Lulju, kull min ipoġġi b’mod temporanju l-caravan jew camper tiegħu, se jkun jista’ jagħmel dan biss wara li joħroġ permess mill-Kunsill Lokali bi ħlas ta’ ħames ewro għal kull jum. Apparti dan se jkunu hemm siti speċifiċi għall-camping, imsejħa ‘designated sites’ fejn wieħed ikun jista’ jmur bil-caravan jew camper tiegħu u jkollu aċċess għal dawl u ilma. Iżda f’dawn is-siti, il-ħlas se jkun ta’ għaxar ewro kull ġurnata. Bid-dħul kollu se jmur għall-Kunsilli Lokali.

Dan filwaqt li ma jistgħux jiġu akkomodati f’caravan aktar minn erbgħa adulti jew fil-każ ta’ familja jew grupp ieħor bit-tfal, żewġ adulti u t-tfal li jkunu fil-kustodja tagħhom.

Waqt il-protesta intqal illi l-campsite provduta, li tinsab faċċata tal-landfill tal-magħtab f’Baħar iċ-Ċagħaq, mhix adekwata għan-numru ta’ familji li jokkupawha – dan għaliex hija art mimlija terrapien filwaqt li tinsab fejn żona ta’ baħar li wieħed ma jistax jgħum fih. Apparti minn hekk… in-numru tal-permess li wieħed irid japplika għalih, hu indikat fuq blokka tal-concrete mal-art.

Numru ta’ campers spjegaw ma’ NetNews illi huwa tajjeb li jkun hemm ir-regolamenti; iżda dawn iridu jsiru bi ħsieb u b’responsabbiltà.

Huma tennew li messu kien hemm konsultazzjoni man-nies tal-caravans, tined u motorhomes qabel ma nħareġ l-avviż legali filwaqt li s-siti allokati għall-campers kellhom ikunu rranġati biex ikunu adekwati għall-familji tal-campers.

Huma stqarrew li issa, qed jistennew li l-Gvern jipposponi l-avviż legali, sabiex jikkonsulta lin-nies tal-campers, u jipprovdi regolamenti, ħin adekwat ta’ tqegħid ta’ camper, siti adattati u anke sistema li wieħed ma jistax jabbuża minnha. Kif isir dan, jinħareġ avviż legali adekwat u favur id-dilettanti tal-campers.

Ritratti: Keith Mizzi