Lokali

Tintemm sfida b’risq il-bini ta’ skola fl-Etjopja

Wara 15-il siegħa u 30 minuta, ġiet fi tmiemha l-isfida ta’ 72 kilometru li saret minn Anthony Delia u Derome Agius mal-kosta ta’ Malta bil-kayak – li permezz tagħha nġabru l-fuq minn 5,000ewro.

Is-Sibt, Anthony Delia flimkien ma’ Derome Agius, telqu minn Baħar iċ-Ċagħaq u bdew triqthom biex iduru mal-kosta Maltija bil-għan li jinġabru fondi b’risq bini ta’ skola fl-Etjopja organizzata minn SiGMA Foundation.

NetNews tkellem ma’ Anthony fejn qal li sfortunatament, hekk kif waslu fiz-zona ta’ Marsascala, Derome kellu jtemm il-vjaġġ tiegħu wara li beda jħossu ma jiflaħx, b’hekk spiċċa irtira erba’ sigħat qabel intemmet l-isfida. Kien hawnhekk fejn ittieħdet id-deċiżjoni li mart Anthony, Claudette tkompli l-vjaġġ minfloku.

Fost id-diffikultajiet li affaċjaw waqt il-qdif kien il-fatt li l-kayak li intuża hu wieħed addattat għal distanzi qosra, u b’hekk sabuha ferm itqal u iżjed diffiċli biex jaqdfu fit-tul.

Minkejja dan, Anthony stqarr ma’ NetNews li jħossu sodisfatt b’dak li kiseb flimkien ma’ Derome u Claudette.

Hu għalaq billi qal li minkejja li issa l-isfida għaddiet, id-donazzjonijiet għadhom qed jinġabru sabiex it-tfal tant fil-bżonn tal-Etjopja jkollhom fejn jitgħallmu u jikbru.

Madanakollu, hu tenna li hu u martu Claudette, se jkunu qed jibdew it-taħriġ sabiex f’Settembru li ġej, ikunu jistgħu jipparteċipaw f’mixja li sseħħ fuq perjodu ta’ ġimgħa, f’Camino De Santiago – bl-istess għan li jiġbru l-fondi għall-bini ta’ skola fl-Etjopja.