F’dawn il-jiem qed tingħata spinta lill-kawża lejn il-Qdusija ta’ Fra Baskal Farrugia mwieled fiż-Żebbuġ, Għawdex. Proprju f’dawn il-jiem hawn fil-gżejjer Maltin Fra Carlo Calloni OfmCap li qiegħed jikkoordina wkoll din il-mixja lejn il-Qdusija ta’ dan huna Għawdxi.
Dwar Fra Baskal Farrugia tkellimt fit-tul mal-proneputi tiegħu l-Kavallier Carmelo Saliba li hu wkoll miż-Żebbuġ, Għawdex u li rriċerka qatigħ dwar Fra Baskal Farrugia.
Carmelo Saliba beda biex qalli li Fra Baskal Farrugia twieled iż-Żebbuġ, Għawdex nhar San Pawl, 10 ta’ Frar tal-1869. Iben Ġużepp miż-Żebbuġ, Għawdex u Rosa, li meta kienet xebba kienet Spiteri mix-Xagħra. Ġużepp, qabel ma żżewweġ lil Rosa, għamel ukoll xi żmien madwar Fra Ajk fil-Kunvent tal-Kapuċċini fir-Rabat Għawdex. Il-familja ta’ Fra Baskal li kienet tikkonsisti wkoll fi ħdax-il ulied oħra… tliet subien u tmint ibniet li ma’ Fra Baskal fl-Ordni Kapuċċin daħal ukoll ħuh Fra Dumink.
Fra Baskal għadda 47 sena bħala Kapuċċin minbarra tliet snin oħra meta kien intbagħat fil-Kunvent tal-Kapuċċini fil-Furjana. Mill-bqija dejjem kien fil-Kunvent tar-Rabat Għawdex. Fra Dumink kien dejjem fil-kunventi tal-Kapuċċini f’Malta l-aktar f’dak tal-Furjana. Carmela Saliba jgħid li dwar Fra Baskal Farrugia sa issa diġà nkitbu tliet kotba, dak ta’ Patri Angelo Mizzi ftit wara mewtu li ġrat nhar it-18 ta Mejju 1937 kif ukoll dak ta’ Patri Fidiel Vella li kien ukoll miż-Żebbuġ Għawdex u li kien jgħix fl-istess kunvent ma’ Fra Baskal. L-aħħar pubblikazzjoni marret għall-istampar darbtejn u ma fadalx aktar kopji. Din inkitbet minn Patri Joe Libreri li meta kien Gwardjan fil-Kunvent tal-Kapuċċini fir-Rabat Għawdex kien ukoll il-Viċi Postulatur għall-kawża ta’ beatifikazzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia.
Il-ħajja ta’ Fra Baskal Farrugia, isostni Carmelo Saliba, hi mżewqa bi tliet virtujiet li jħaddnu l-membri tal-ordni l-Franġiskana Kapuċċini. Dawn kienu jispikkaw fil-ħajja ta’ Fra Baskal. Il-virtù tal-Faqar fejn xejn ma kien tiegħu u xejn ma kien iżomm għalih.
Carmelo Saliba jikkwota lin-neputija ta’ Fra Baskal… Marija Dimech ta’ Fontun… li tiġi z-zija tiegħu, li ħut Fra Baskal darba xtraw biex iħitulu żewġt franelli billi kienet l-eqqel tax-xitwa. Meta marru biex jagħtu dawn il-franelli lil Fra Baskal, sakemm kien għadhom fil-kunvent jaraw wieħed li kien joqgħod qrib iċ-ċella tiegħu ħiereġ b’dawn il-franelli.
Ħutu ma ħadux pjacir u malli qalulu għaliex tahom lil xi ħadd ieħor u ma xammhomx għalih għax dawn kienu għalih, irrisponda li dak il-bniedem kien fil-bżonn iktar minnu! Il-virtù tal-ubbidjenza kienet virtù li Fra Baskal ħaddan bil-kuraġġ u bla riserva.
Dwar il-virtù tal-kastitù biżżejjed ngħidu li dak iż-żmien li għamel fil-kuvent tal-Furjana kienu snin ta’ dieqa u ta’ prova ta’ kif kienu jilbsu t-tfajliet Maltin tant li s-superjuri tiegħu ħassew li post Fra Baskal kien fil-Kunvent ta’ Għawdex li dam fih sa ma miet.
Carmelo Saliba jżid li Fra Baskal miet fl-Isptar ta’ Għawdex u ta’ min isemmi li meta wasal fl-aħħar ta’ ħajtu filwaqt li ma xtaqx jitlaq mill-Kunvent kellu jmur l-Isptar fuq ordni tat-tabib kuranti tiegħu kif ukoll tal-Gwardjan. Fra Baskal miet l-Isptar ta’’ Għawdex fejn illum hemm is-sala tal-wirjiet u li hi parti mill-Ministeru għal Għawdex. Malli ġriet l-aħbar tal-mewt ta’ Fra Baskal, Għawdex kollu kien kelma wahda… cioè li kien miet qaddis.
Trid tkun il-veru qaddis biex wara mewtek u għal dawn l-aħħar sitta u tmenin sena tibqa’ tiġbed lejn qabrek u l-fdalijiet tiegħek pellegrinaġġi u devoti kemm minn Għawdex kif ukoll minn Malta u anke minn fost għadd ta’ immigranti Maltin u Għawdxin meta jkunu għall-vaganzi fostna.
Carmelo Saliba dwar il-mewt ta’ Fra Baskal u r-rikonjizzjoni tiegħu jagħżel li jistqarr dak li kien jirrakkontalu missieru li fiż-żewġt okkażjonijiet kien preżenti. Wara l-mewt ta’ Fra Baskal meta ġie biex jindifen kienu preżenti kemm in-nannu tiegħu Ġużepp Saliba tal-Gellux miżżewweġ lin-nanna Tereża oħt Fra Baskal kif ukoll missieru Ġanni. Il-qabar ta’ Fra Baskal kien sar mekka ta’ devoti fejn mis-sempliċità ta’ ħajtu sar iktar popolari wara mewtu xi ħaġa li għadha għaddejja sal-lum.
Wara sittax-il sena mejjet saret ir-rikonjizzjoni tal-fdalijiet tiegħu u din id-darba kemm in-nannu Ġużepp kif ikoll missieru Ġanni għamlu l-parti tagħhom biex dan jitwettaq. Inħadmet urna u meta nfetaħ il-qabar il-gisem ta’ Fra Baskal kien għadu sħiħ.
“Missieri jirrakkontali li meta l-fdalijiet ta’ Fra Baskal tpoġġew fl-urna fejn għadu jinstab sal-lum, ipprova jaqla’ differ minn subajn il-katavru iżda dan, minkejja li missieru kien raġel magħmul ta’ sebgħa u tletin sena ma rnexxilux.” Dan ifisser li l-fdalijiet ta’ Fra Baskal wara sittax-il sena fil-qabar ma kienx hemm sinjali ta’ tħassir.
Carmelo Saliba jgħid li mill-ġenerazzjoni preżenti wara mewt ta’ sitta u tmenin sena ftit għad fadal li jiftakru din il-ġrajja. Però d-devozzjoni lejn Dan is-Serv t’Alla Fra Baskal Farrugia għadha ħajja u ferventi.
Għalhekk nhar it-Tnejn, 10 ta’ Lulju fil-Kunvent tal-Patrijiet Kapuccini se ssir laqgħa ta’ talb għall-glorifikazzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia. Għal din l-okkażjoni se jkun prezenti Fra Carlo Calloni OfmCap li hu l-Postulatur Ġenerali tal-Ordni Kapuċċin, temm Carmelo Saliba.
//= $special ?>