Lokali

Alfred Sant ikompli jwassal messaġġi lil Robert Abela li n-nies mhix temmnu

L-Eks Prim Ministru Alfred Sant – li jemmen f’Joseph Muscat u jixtiequ li  jirritorna fl-arena politika – qiegħed ikompli juża l-midja soċjali biex iwassal messaġġi lil Robert Abela li n-nies mhix temmnu.

F’kummenti ripetuti fil-midja soċjali, Alfred Sant qiegħed ikun diplomatiku ħafna fit-twassil tal-messaġġ tiegħu fil-konfront ta’ Robert Abela iżda meta wieħed jagħsar dak li qiegħed jikteb, il-messaġġ hu sempliċi u dirett… jiġifieri li Robert Abela mhux jitwemmen… aktar ma jiftaħ ħalqu, aktar ma jitwemminx.

Jieħu bħala eżempju konversazzjoni li kellu ma’ ħabib tiegħu u Alfred Sant jikteb hekk:

“In-nies kemm temmen li tisma’ mingħand il-politiċi?

“Qed temmen anqas u anqas!”… b’botta diretta lejn Robert Abela.

Ikompli jikteb Alfred Sant: “Hekk qalli wieħed, li b’mod ċar, ma jemminx f’li jisma’ u mhuwiex lest – skont hu – li  jħalli lil min jitimgħu r-ross bil-labra.” Botta oħra diretta lejn Robert Abela li jaħseb li kulħadd hu ‘Ġaħan’ u li jista’ jibqa’ jbella’ dak kollu li jrid, meta jrid u lil kulħadd!

Iżid jikteb Alfred Sant: “Anki meta l-Parlament ikun ivvota unanimament fuq kwistjoni kontroversjali li taqta’ fil-laħam il-ħaj… biex nuża kliemu!” U din hi t-tielet botta diretta ta’ Alfred Sant lejn Robert Abela… naturalment fl-isfond tal-vot dwar l-Abbozz ta’ Liġi li oriġinarjament kellu l-ħsieb li jdaħħal l-abort f’pajjiżna imma wara pressjonijiet kbar Robert Abela kien kostrett jagħmel u-turn sfaċċata.

Alfred Sant ikompli jikteb: “Imma jekk il-Parlament esprima ruħu, mhux qiegħed ifisser il-fehma tal-poplu, aktar u aktar jekk għamel dan b’mod unanimu? U din hi r-raba’ botta tal-kittieb fil-konfront ta’ Robert Abela għaliex kulħadd jaf kif ta’ madwaru – inkluża l-President tal-Partit Laburista Ramona Attard – esprimiet ħsibijietha dwar din il-kwistjoni u fakkritna f’dak li darba kienet qalet l-Eks Ministru Laburista Helena Dalli – illum Kummissarju fl-Ewropa – dwar kif għalihom li tqarraq bl-elettorat hi xi ħaġa faċli u komuni!

Alfred Sant issokta jikteb li: “Dejjem skont dan il-proxxmu, dik raġuni oħra biex ma tagħtix kas ta’ li tisma’ mingħand il-politiċi.” Issa botta oħra – biex in-nies jisimgħu kollox iżda finalment jemmnu biss dak li jridu… kif fil-fatt in-nies qed tagħmel meta lil Robert Abela mhix temmnu tant li l-popolarità tiegħu qed tnin kuljum.

U Alfred Sant itemm din il-ktiba b’ton ironiku u jistaqsi: “Boqq! Diffiċli tifhem lil dal-ħabib tiegħi…”

L-istess Alfred Sant li ftit tal-jiem ilu tmejjel ukoll b’Robert Abela meta reġa’ semma l-argument ta’ Malta pont bejn l-Ewropa u l-Afrika. Argument  li Robert Abela qanqal kemm ma’ Giorgia Meloni meta żar Ruma u anki ftit wara mal-Gvern Libjan meta żar Tripli.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju Alfred Sant – din id-darba bi ktiba Ingliża biex il-messaġġ jasal lil hinn minn xtutna – jikteb: “Sometimes we get the claim made that Malta could serve as a natural ‘bridge’ between Europe and Africa.

“Many moons ago, a similar claim used to be made about Malta and the Arab world.

“The problem with this is that real interest in Africa, and knowledge about it, within these islands are abysmally low.

“The only issue that arouses interest in this context is immigration,” itemm Alfred Sant li fi ftit kliem kien qiegħed jistaqsi min qed jieħu bis-serjetà r-retorika ta’ Robert Abela fid-dinja tal-lum fejn ix-xenarji huma dawk li huma!