Lokali Parlament

Ħtif ta’ art pubblika u art f’Tas-Sliema għad-detriment tar-residenti

Graham Bencini, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal fil-parlament li l-għoti ta’ art pubblika u baħar lill-Grupp Fortina li lestew ix-xogħlijiet f’Tas-Sliema bla ma kellhom titlu, hu każ ieħor li l-gvern irid jinnormalizza att illegali u ħtif ta’ art pubblika għall-benefiċċju ta’ negozju u għad-detriment tal-pubbliku u tar-residenti ta’ Tas-Sliema.

Hu sostna li l-gvern qed jittrasferixxi medda ta’ art u baħar lill-kumpanija Fortina u qal li f’pajjiż normali fejn m’hemmx gvern arroganti, l-ewwel irid ikun hemm l-approvazzjoni tal-parlament iżda dan in-negozjanti ħataf l-art, żviluppaha, għamel party uffiċjali tal-ftuħ tal-post qabel mal-parlament kien beda jiddiskuti t-trasferiment tal-art pubblika. Fil-kumitat parlamentari, il-ministru responsabbli qal li m’hemm xejn ħażin li n-negozjant għamel din l-azzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-permess tal-MEPA kellu kundizzjoni li dan irid joħroġ meta jkun hemm l-approvazzjoni tal-parlament. Il-multa ta’ €70,000 għal żvilupp illegali fTas-Sliema, fl-art u l-baħar, hi waħda redikola.

Id-deputat Nazzjonalista qal li PN dejjem ħadem favur u kabbar is-settur marittimu, anzi kien il-gvern li ħoloq dan is-settur. F’din ir-rżoluzzjoni hemm ukoll it-trasferiment ta’ medda ta’ baħar għal żvilupp ta’ marina tal-jottijiet propju f’żona ta’ għawn għall-pubbliku.

Graham Bencini qal li f’Tas-Sliema hemm telqa totali u appella biex l-ekonomija titkabbar b’mod sostenibbli.