Lokali Parlament

‘Il fuq minn 12,000 persuna jiffirmaw il-petizzjoni bil-għan li tinħatar Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia

Il-poplu Malti u Għawdxi qed jisma’ il-karba ta’ Isabelle Bonnici hekk kif ‘il fuq minn 12,000 persuna diġa’ iffirmaw il-petizzjoni sabiex il-membri parlamentari jivvutaw favur inkjesta pubblika.

Dawn il-firem kollha inġabru f’temp ta’ tliet ijiem fejn aktar minn 12,000 persuna qed jappellaw li tinħatar Inkjesta Pubblika sabiex toħroġ il-verità kollha.

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena tilef ħajtu bl-aktar b’mod traġiku f’Diċembru li għadda meta kkrollat binja f’Kordin.

L-Inkjesta Pubblika biss tista’ tagħti r-rakkomandazzjonijiet sabiex tkun evitata traġedja oħra bħal din. U kien ghalhekk illi Isabelle Bonnici bdiet din il-petizzjoni hekk kif l-Erbgħa li ġej se jittieħed vot fil-Parlament li jiddetermina jekk tinfetaħx inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ binha. Dan wara li Robert Abela baqa’ jkaxkar saqajh dwar din il-materja għal xhur sħaħ minkejja x-xewqa ta’ din l-omm.

Matul dawn ix-xhur, Isabelle Bonnici marret quddiem il-Parlament diversi drabi sabiex tappella lill-Membri kollha tal-Parlament dwar l-importanza li tinfetaħ Inkjesta Pubblika.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wkoll iffirma din il-petizzjoni fejn f’post fuq il-midja soċjali insista li hu flimkien mal-Partit Nazzjonalista se jkomplu jimbuttaw din il-kawża.

Barra minn hekk, kienu diversi Deputati tal-Partit Nazzjonalista li għamlu l-appell tagħhom fuq il-midja soċjali sabiex tinstema’ l-karba ta’ din l-omm.

Intant…wara l-appelli kollha li saru ….issa kollox se jkun determinat bil-vot fil-Parlament li se jsir l-Erbgħa filgħaxija bit-tama li tirrenja l-ġustizzja.