Il-President ta’ Malta, George Vella żar il-proġett ta’ restawr u preservazzjoni tal-pitturi dwar l-Assedju l-Kbir ta’ Perez d’Allecio fis-Sala tat-Tron fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta.
“Dak li qegħdin nirrikonoxxu llum huwa riżultat tax-xogħol, dedikazzjoni, u l-perseveranza ta’ grupp ta’ restawraturi, wħud minnhom studenti, kemm Maltin kif ukoll barranin, li ħadmu flimkien għal snin sħaħ fuq proġett hekk ambizzjuż,” stqarr il-President ta’ Malta.
Ħames snin ta’ ħidma u impenn fuq rakkont viżiv ta’ dak li seħħ ftit aktar minn 450 sena ilu f’pajjiżna.
Waqt diskors tal-okkażjoni, il-President George Vella tkellem fost l-oħrajn dwar l-isfidi li kellu dan l-istess proġett ta’ restawr fosthom dawk tekniċi li matulhom ir-restawraturi li ħadmu fuq din l-opra tal-arti ħtieġilhom jifhmu b’mod ċar l-interventi li saru matul iż-żminijiet mgħoddija.
Filwaqt li nnota li dan il-proġett huwa minn tal-ewwel li wettqet l-Università ta’ Malta, il-President awgura li jkun wkoll ieħor minn sensiela twila li tkompli fejn “ir-riżorsi akkademiċi u intellettwali tant prezzjużi li għandu pajjiżna, jagħtu kontribut ferm u ferm aktar b’saħħtu għat-tisħiħ tal-ġid komuni.”
F’isem il-poplu Malti, il-President esprima l-apprezzament tiegħu għal dak kollu li l-Fond tar-riċerka tal-Università rnexxielu jiffinanzja u jsostni matul iż-żmien.
Il-President appella biex “ma ninsewx li għandna r-responsabbiltà li nkomplu nindukrawh billi nsegwu l-istat ta’ konservazzjoni tiegħu, u nkomplu nigarantixxu li dan ikun jista’ jitgawda mill-poplu.”
Huwa temm jgħid li dan kollu jeħtieġ proċess ta’ edukazzjoni, speċjalment fost it-tfal u ż-żgħażagħ li jiġu aktar esposti għal dak kollu li għandna f’pajjiżna bħala wirt kulturali, bħala parti mill-formazzjoni tagħna l-Maltin; għandna nkunu kburin bl-identità u l-kultura tagħna.
//= $special ?>