Il-kelliema għall-Kremlin ikkonfermaw li l-President tar-Russja Vladimir Putin kien iltaqa’ ma’ Yevgeny Prigozhin – eks-alleat u Kap tal-merċenarji mal-grupp Wagner – ftit jiem biss wara li falla l-kolp ta’ stat li l-istess Prigozhin kien mexxa fir-Russja lejn l-aħħar tax-xahar li għadda.
Skont Dmitry Peskov, il-kelliem ewlieni għall-Kremlin,Yevgeny Prigozhin kien fost 35 kmandant tal-Wagner li kienu mistiedna għal-laqgħa f’Moska…Laqgħa li fiha l-President Putin ippreżenta evalwazzjoni tal-iżviluppi fil-gwerra tal-Ukrajna u dwar l-irvell tat-23 ta’ Ġunju fir-Russja li dam biss għal 24 siegħa.
L-irvell kien intemm bi ftehim bejn Prigozhin u t-Tmexxija Russa wara li l-merċenarji paramilitari tal-Wagner ħatfu l-kontroll fil-belt ta’ Rostov-on-Don u fejn huma anki waslu sa ftit għexieren ta’ kilometri ‘il bogħod minn Moska,.
Dan wara jiem ta’ diżgwid bejn il-grupp Wagner u l-Armata regolari tar-Russja, bi Prigozhin jakkuża lill-ogħla uffiċjali militari dwar nuqqas ta’ appoġġ għall-ġellieda tiegħu involuti fil-gwerra tal-Ukrajna.
Intant, Peskov, issa, qed jgħid li Prigozhin kien fost il-kmandanti li marru fil-Kremlin wara l-irvell u fejn il-President Putin ‘sama u evalwa’ l-ispjegazzjonijiet ta’ dawn il-kmandanti. Ingħad li Putin, waqt il-laqgħa, analizza l-azzjonijiet tal-Wagner fl-Ukrajna minbarra li suġġerixxa numru ta’ possibbiltajiet għall-użu tal-merċenarji waqt sitwazzjonijiet futuri ta’ gwerra.
Peskov qal ukoll li Yevgeny Prigozhin, waqt il-laqgħa, informa lil Putin li hu kien qed jappoġġjah ‘mingħajr kundizzjonijiet’ — u wara li l-President Russu kien għajjru traditur waqt diskors li xxandar lin-nazzjon kollu.
Sadanittant, ħadd, għalissa, ma jaf il-lokalità ta’ Prigozhin u meta qed ikomplu l-ispekulazzjonijiet dwaru u dwar il-grupp Wagner.
//= $special ?>