“Ix-xogħolijiet fil-pjazza qatlu n-negozju – tant li m’għandix flus sabiex inħallas il-pagi. Spiċċajna agħar miż-żmien tal-pandemija. Jgħidulek biex tagħlaq għal ġimgħa mingħajr avviż. U jekk titkellem tispiċċa mhedded.”
Kienu dawn il-kummenti li tawna diversi sidien ta’ negozji fiż-żona tal-Pjazza tal-Mosta hekk kif ix-xogħolijiet fiċ-ċentru ta’ din il-lokalità ilhom ikaxkru għal diversi xhur mingħajr data ta’ meta se jkun lest ix-xogħol.
F’kummenti ma’ Net News, bosta qalulna illi jinsabu ferm inkwetati dwar il-futur tan-negozju tagħhom hekk kif preżentament ħwienet li kienu jkunu ppakkjati bin-nies issa spiċċaw kompletament vojta – u kuljum qed jaffaċjaw trab u storbju kaġun ta’ dawn ix-xogħolijiet.
Uħud mis-sidien qalulna li kellhom jilmentaw diversi drabi mal-awtoritajiet sakemm ħadu xi forma ta’ tweġiba – risposta xotta li ma tagħti l-ebda indikazzjoni meta l-affarijiet se jmorru lura għan-normal.
Minn naħa l-oħra huma qalu li jifmhu li x-xogħol irid isir, iżda huwa evidenti li hemm nuqqas kbir ta’ pjanar.
Ix-xogħolijiet qed jikkawżaw ukoll periklu kbir għar-residenti…. fejn f’temp ta’ 6 ijiem 17-il persuna weġġgħu wara li waqgħu fil-pjazza, b’anzjana tispiċċa f’siġġu tar-roti b’mod permanenti.
Minn naħa l-oħra, it-turisti li jiġu għal btala f’pajjiżna u jżuru l-bażlika tal-Mosta li hija ferm popolari qed jispiċċaw milqugħin bit-trab u bilkemm jistgħu jimxu fiż-żona tar-Rotunda.
Minħabba li dan il-proġett ilu ikaxkar xhur sħaħ, ħafna qed jagħżlu li jevitaw kompletament iċ-ċentru tal-Mosta. U allura, dan wassal biex il-bejgħ tal-ħwienet naqas b’mod drastiku; b’uħud saħansitra jikkunsidraw jagħlqu l-bibien tagħhom darba għal dejjem.
//= $special ?>