Claudette Buttigieg, PN
Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg appellat lill-Gvern biex jieħu s-saħħa mentali bis-serjetà u jtejjeb is-servizzi li qed jiddeterjoraw.
Fl-Aġġornament tal-parlament, id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li s-suwiċidji qed jiżdiedu fil-pajjiż u għalhekk jeħtieġ li l-pajjiż jindirizza din il-problema bl-aktar serjetà.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li hemm affarijiet li s-soċjetà tista’ tantiċipa u tara. Nuqqas serju qed jinħass fis-servizzi tas-saħħa mentali li mhumiex mexjin kif suppost b’nuqqas ta’ mediċini ġodda u l-għeluq tat-Taqsima Psikjatrika f’Mater Dei, li ma nfetħitx wara l-COVID.
Dan filwaqt li hemm lista ta’ stennija fis-servizzi ta’ tfal u żgħażagħ fis-saħħa mentali waqt li fil-konsulenzi hemm problemi tant li dawk li jiggradwaw qed imorru jaħdmu f’pajjiżi barranin.
Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar il-working poor fejn il-Cartitas ippubblikat rapport li minnu jirriżulta li familja normali trid madwar €700 fix-xahar biex tixtri l-affarijiet bażiċi. Studju tal-World Economic Forum wera li persuni b’kuntatt dirett man-natura huma l-inqas li jista’ jkollhom problemi ta’ saħħa iżda s-sitwazzjoni f’Malta ftit qed tgħin fit-titjib tas-sitwazzjoni minħabba problemi ambjentali. Il-gvern iktar jinteressah min-negozjanti partikolari u mhux mill-poplu, sostniet id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.
//= $special ?>