Lokali Qorti

Jibda għaddej ġuri mixli bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 33 sena mill-Kosta tal-Avorju beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja akkużat bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu fil-kamra tas-sodda tagħha f’Raħal Ġdid. Michael Emmanuel qed jiġi mixli li fega lil Maria Lourdes Agius (ritratt) ta’ 35 sena  fl-14 ta’ Settembru tal-2018. Il-vittma kienet tgħix ma’ ommha fi Triq F Tortell u kellha sebat itfal, fejn tnejn jew tlieta minnhom huma tal-akkużat.

Mill-awtopsja kien irriżulta li kien hemm marki f’għonq il-vittma u tbenġil fuq dahra. L-espert mediku tal-Qorti Dr. Mario Scerri kien eżamina lil mara fuq il post u kkonstata li kellha marki ta’ strangulazzjoni. L-akkuża ta’ omiċidju volontarja hija l-aktar waħda gravi li f’każ ta’ ħtija twassal għall-massimu ta’ għomor il-ħabs.

Emmanuel qed jiġi akkużat b’seba’ Kapi ta’ Akkuża li jinkludu wkoll li jumejn qabel qatel lil Agius wettaq atti ta’ vjolenza domestika fuqha u fuq ommha u li kien fil-pusses ta’ dokumenti foloz. Jinsab mixli wkoll li fil-jiem ta’ qabel il-qtil ikkaġuna ġrieħi gravi kemm lill-vittma kif ukoll lil ommha li kienet tgħix fl-istess appartament magħhom.

Akkużi oħra li qed jiffaċċja Emmanuel huma li m’obdiex ordnijiet leġittimi tal-awtorità u li kien f’pussess ta’ karta tal-identità u liċenzja tas-sewqan Griegi, li t-tnejn kienu foloz. Wara li nqraw l-akkużi għall-ħabta tal-10.30am. lill-ġurati komposti minn sitt irġiel u żewġ nisa flimkien ma’ tliet ġurati oħra supplenti (riżervi) – tnejn minnhom nisa – l-Imħallef Bugeja beda jfiehem lill-ġurati dwar il-proċess tal-ġuri fis-sistema legali.

Minn dak li ħareġ waqt il-ġbir tal-provi sa issa l-akkużat kien qal lill-Pulizija meta kien mar jirrapporta hu stess fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid qal kien ipprova jqajjimha imma ma rrisponditx. Il-mara kienet instabet f’pożizzjoni naturali imma kienet kiesħa u diġa’ mejta. L-akkużat kien qal ukoll lill-Pulizija li ma kellux xi jgħid ma’ l-eks sieħba tiegħu.

Skont il-prosekuzzjoni Emmanuel wara kien bidel il-verżjoni u qal li l-vittma kienet talbitu biex joqtolha b’kurċifiss. Dr. Mario Scerri kien qal fix-xhieda tiegħu li ma kien hemm l-ebda marka relatata ma’ kurċifiss fuq ġisem il-vittma. 

Waqt ir-rekwiżitorja, l-Avukat Anthony Vella f’isem l-AĠ qal lill-ġurati li l-għan tal-prosekuzzjoni hu li tfittex il-verità u jigarantixxi li ssir ġustizzja. L-avukat Vella, qal li l-proċess ma bediex issa iżda fi proċess twil minn naħa tal-investigazzjoni tal-Pulizija u wara l-ġbir tal-provi waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda.

Qal li minbarra l-akkużat, kien hemm vittma – Maria Lourdes Agius, ommha Maria Agius li tagħha hi d-dar fejn inqatlet bintha u Jean Paul Agius li huwa ħu l-vittma li ma kienx qed jgħix ma’ ommu u m’oħtu. L-akkużat kien ilu xi erba’ snin f’relazzjoni mal-vittma.

L-akkużat tilef rasu għax il-vittma nefqet mas-€60 fuq ħalib u gallettini

Kellhom żewġ itfal subien flimkien u kienu qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji. Kienu qed jgħixu flimkien fid-dar t’ommha f’Raġal Ġdid. Fit-13 ta’ Settembru 2018, l-akkużat tilifha għaliex is-sieħba tiegħu nefqet mas-€60 fuq ħalib u gallettini mill-ispiżerija u xi oġġetti oħra minn ħanut tal-merċa.

L-Avukat tal-AĠ qal li Emmanuel rema’ x-xirja mal-art, ta daqqa ta’ ponn f’dahar Maria-Lourdes, waddabha mal-art u ta bis-sieq u wara sawwat lil ommha. Dan minkejja li l-Pulizija kienu wissewh biex ma javviċinax lill Maria Lourdes u lil ommha iżda l-għada kien mar fit-triq fejn kienu jgħixu u qajjem kommossjoni. 

Is-sieħba tiegħu u ommha kienu daħħluh għandhom biex jikkalmaw is-sitwazzjoni u ħallewh iqatta’ l-lejl hemmhekk. Qal li kien matul il-lejl, l-akkużat qatel lil Maria Lourdes Agius. Michael Emmanuel, kien ta żewġ stqarrijiet lill-pulizija.

Fl-ewwel stqarrija kien qal li qatta’ l-lejl ma’ Maria Lourdes Agius u ċaħad li kellu argument fis-2am ma’ Agius, kif kienet allegat ommha. Fit-tieni stqarrija li kien talab li ssir l-akkużat innifsu, kien qal li kienet Maria Lourdes li qaltlu biex jagħfas salib m’għonqha biex jiġi lliberat minnha u jkun jista’ jiżżewweġ lil xi ħaddieħor.

Waqt il-kumpilazzjoni kien ħareġ li l-akkużat kien ġie eżaminat minn żewġ psikjatri. F’din l-eżaminazzjon qalilhom li rċieva sinjali minn għand Alla. Hu kien qal lis-Supretendent James Grech li Maria Lourdes Agius kienet qamet fis-2am. sabet kurċifiss u b’referenza għal Alla qaltlu, “Missierek, irregalalek mara.” L-akkużat qallu wkoll li wara l-vittma poġġiet is-salib fuq għonqha – qaltlu biex jagħfsu magħha.

Jibdew ix-xhieda

Wara nofs inhar kienet l-Ispettur Sarah Zerafa li qalet li fl-2018 kienet stazzjonata l-għassa ta’ Raħal Ġdid. Fil-15 ta’ Settembru 2018 kienet xogħol u għall-ħabta tas-7.30am kollega tagħha qalilha li l-għassa kien mar ċertu Michael Emanuele li rrapporta li pprova jqajjem lis-sieħba tiegħu u ma kinetx qed twieġeb. 

Meta marru fuq il-post il-pulizjia sabu lill-omm il-vittma, Maria Agius u talbuha jkellmu lil binta u l-omm qaltilhom li kienet għadha rieqda Meta marru fil-kamra tas-sodda fejn kien hemm Maria Lourdes fuq il-ġenb kienet tidher rieqda u kienet mgħottija b’liżar. 

Meta ppruvaw iqajmuha ma ċċaqalqitx u kien jidher li kienet mejta. L-ispettur xehdet li ommha Maria Agius bdiet tgħajjat u twerżaq ma’ Emanuel li qatilha minħabba l-argument ta’ jumejn qabel. L-Ispettur qalet li jumejn qabel kien hemm rapporti dwar argument li rriżulta fi ġrieħi ħfief fuq il-vittma u ommha u għalhekk bdew jissuspettaw li dan seta kien qtil. 

Xehdet li ċemplet lill-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima li kienet ħatret inkjesta. Fuq il-post marru l-esperti forensiċi u malli dawru l-vittma, dehru diversi qatgħet madwar ħalqha u tbenġil f’għonqha. Qalet li l-awtopsja saret ftit sigħat wara u ġie kkonfermat li Maria Lourdes kienet mietet fgatha u fuq għonqha kellha diversi marki. 

L-Ispettur Zerafa qalet li għall-ewwel l-akkużat beda jwieġeb għad-domandi tal-pulizija li fost oħrajn kien qalilhom li spiss kienu jargumentaw fuq il-flus. Qalilhom dwar l-argument ta’ jumejn qabel u li l-għada kien reġa’ mar ħdejn ir-residenza, minkejja li l-pulizija qalulu biex ma jersaqx ‘l hemm biex jiġbor l-affarijiet tiegħu.

Qalet li kien irrabja meta t-tfal ma sabhomx u li s-sieħba tiegħu qaltlu li kienu ma’ ħuha u hu kien għamilha ċara li t-tfal iridhom magħha u mhux ma’ ħuha. Fl-istqarrija lill-pulizija, Emanuel qalilhom li għall-ħabta tas-7pm mar jixtri pizza iżda Maria Lourdes ma ridetx tiekol.

Qalilhom ukoll li mar jorqod għall-ħabta tal-10pm u meta qam filgħodu u pprova jqajjimha iżda ma qamitx. L-Ispettur Zerafa qalet li meta bdew isaqsuh domandi speċifiċi dwar it-tbenġil m’għonq il-vittma, hu beda jweġibhom li ma jafx. Ikkonfermalhom iżda li hu biss kien raqad ħdejha.

Wara xehed is-Surġent Brian Zammit, ukoll stazzjonat l-għassa ta’ Raħal Ġdid, li qal li dakinhar għall-ħabta tat-8.30am ġie mgħarraf li kien hemm mewt suspettuża. Fuq il-post osserva kommossjoni u ra lill-akkużat mal-pulizija.

Tenna li għal ħabta tal-10am ngħata ordni biex jeskorta lill-akkużat għad-depot għal aktar investigazzjonijiet. Filgħaxija mbagħad għall-ħabta tal-5pm kien tqabbad ikun parti minn tfittixija għal affarijiet li setgħu intużaw biex inqatlet il-vittma. Fil-post instabu diversi devices.

Kompla li fis-16 ta’ Settembru filgħodu, ngħata struzzjonijiet mill-Ispettur James Grech, illum Supretendent biex jerġa’ jmur fuq il-post ifittex salib u fil-preżenza tal-akkużat ġie elevat is-salib ukoll. Qal li l-akkużat kien kalm u kellu mġiba normali. Waqt il-kontroeżami meta ġie mistoqsi fejn kien is-salib, ix-xhud qal li mhux ċert iżda jekk jiftakar sew kien fil-kamra tas-sodda.

Fil-lejl ta’ meta mietet kienet qaltlu li t-tarbija ċ-ċkejkna mhux tiegħu

Emmanuel kien għadda proċeduri f’ġurin fl-2019 u b’tmien voti favur u wieħed kontra sabitu li kien f’sensih waqt il-kummissjoni tar-reat  Fil-ġurin li sar quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kien xehed is-Supretendent James Grech u li ta dettalji ta’ x’qallu l-akkuzat fl-interogazzjoni.

Emmanuel qallu li hu għafas bil-mod il-kurċifiss mal-vittma, imma l-mara ma reġgħetx qamet.  “Bdejt nibża’. Bdiet tgħid xi ħaġa u għattiet wiċċha b’liżar. Kompliet titħabat ftit ieħor u mietet,” kien qal l-akkużat.

Emmanuel kien qal ukoll li Maria Lourdes kienet tħobbu ħafna u li f’dak il-lejl kienet qaltlu li t-tarbija z-zgħira ma kinitx minn tiegħu. Qaltu li kienet taf li sar iħobb mara oħra minn Marsaxlokk u kienet tħoss li hi ta’ ostaklu għalih.  

Is-Supretendent Grech qal ukoll li r-relazzjoni bejn l-akkużat u l-vittma kienet bdiet f’appartament li kellu l-akkużat f’San Ġiljan. Għall-bidu hi kienet qaltlu li biex ikollhom x’jaqsmu flimkien ried iħallasha.

Madankollu wara nġibdu lejn xulxin u bdiet relazzjoni bejniethom li minnha twieldu żewġt itfal. Meta kien interrogat fid-depot Emmanuel qal li lejn l-aħħar, is-sieħba tiegħu kienet inbidlet u ma kinitx qiegħda tagħti kas lit-tfal.

Is-Supretendent Grech kien xehed ukoll li dakinhar tad-delitt, l-akkużat mar jirrapporta fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid fejn qal li s-sieħba tiegħu ma qamitx. Qal li meta l-pulizija marru fuq il-post, sabu lil omm il-vittma li qaltilhom li bintha għadha rieqda u qalet li dan jista’ jkun minħabba l-argument domestiku li nqala’ jumejn qabel.

Meta indunaw li Maria Lourdes Agius kienet fil-fatt mejta, qamet kommossjoni bejn omm il-vittma u l-akkużat, tant li kellha tferraqhom il-pulizija. Michael Emmanuel, qal lill-Pulizija li fil-lejl ta’ qabel hu kellu x’jaqsam sesswalment mal-vittma u marru jorqdu għall-ħabta tal-10p.m. Qal li meta qam filgħodu, Maria Lourdes Agius ma kinitx f’sensiha.

Għal Emmanuel qed jidher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace filwaqt li l-Avukati Maria Francesca Spiteri u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali. L-Avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana qed jidhru għal parte civile, f’dan il-każ omm u ħu l-vittma.