Futbol Sport

‘L-avversarji m’għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni imma nippreferi niffoka fuq il-kwalitajiet tal-iskwadra tagħna’ – Luciano Zauri

(Ritratt: Joseph Galea)

It-Tlieta filgħaxija fis-Centenary Stadium, iċ-Champions lokali Ħamrun Spartans jilagħbu l-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League kontra ċ-Champions tal-Iżrael Maccabi Haifa.

L-avversarji tal-Ispartans m’għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni hekk kif kemm il-darba lagħbu fil-gruppi ta’ din il-kompetizzjoni, bl-aktar darba riċenti tkun l-istaġun li għadda fejn fil-gruppi għelbu lil Juventus.

Lejliet il-partita, Il-kowċ il-ġdid ta’ Ħamrun Spartans Luciano Zauri faħħar dak li kisbet l-iskwadra l-istaġun li għadda iżda qal ukoll li issa wasal il-ħin li l-konċentrazzjoni ddur fuq il-preżent u l-futur.

Zauri qal li t-tim prepara għal din il-partita bl-aħjar mod possibli iżda dan issa jkun ikkonfermat bil-prestazzjoni fil-grawnd. L-eks plejer ta’ Lazio qal li jinsab ċert li l-plejers se jkollhom prestazzjoni tajba hekk kif fl-aħħar ġimgħat seta’ jinnota l-professjonalità tagħhom waqt it-taħriġ.

Dwar il-plejers tat-tim nazzjonali Zauri qal li kellu inqas ħin jaħdem magħhom, iżda kif irritornaw irkupraw tajjeb mal-iskwadra.

Zauri qal li l-avversarji m’għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni iżda jippreferi jiffoka fuq il-kwalitajiet tal-iskwadra tiegħu. Huwa qal ukoll li naturalment it-tim se jkun taħt pressjoni minħabba l-qawwa tal-avversarji, iżda t-tim tiegħu għandu jkollu ċ-ċansijiet tiegħu fil-partita.

Dwar Maccabi Zauri qal li għamlu ħafna bidliet fl-iskwadra u għalhekk jemmen li għaddejien minn żmien ta’ tranżazzjoni u għalhekk għadhom qed ifittxu t-tattika addattata.

Minn naħa tiegħu il-captain Steve Borg qal li din mhix l-ewwel darba li l-iskwadra ma kelliex ċans tistrieħ u issa l-plejers draw is-sitwazzjoni.

Huwa qal ukoll li jinsabu konxji li din hija logħba diffiċli iżda l-plejers jinsabu preparati u rnexxielhom ipoġġu fil-prattika dak li għandhom f’moħħhom.

Ħamrun Spartans se jkunu mingħajr il-goalkeeper internazzjonali Malti Henry Bonello li għamel operazzjoni f’idu wara li weġġa mat-tim Nazzjonali kontra l-Ukrajna.

Fl-aħħar ġimgħat l-Ispartans iffirmaw lill-eks goalkeeper ta’ Lazio u tat-tim Nazzjonali Taljan Federico Marchetti li mistenni jkun hu li jibda bejn il-lasti ta’ Ħamrun kontra Maccabi Haifa.

Dubjuż ukoll wieħed mill-akkwisti l-ġodda Seth Paintsil li qed jirkupra minn injury li sofra f’partita ta’ ħbiberija.

Ritratt ta’ Joseph Galea