Lokali Parlament

L-Ispeaker ma ma jaċċettax emenda tal-Oppożizzjoni dwar l-inkjesta pubblika fuq JeanPaul Sofia

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia m’aċċettax li l-Oppożizzjoni tressaq kontro-emenda għall-emenda li ressaq il-gvern dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni għal inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. L-iskop tal-gvern kien li jimblokka l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex issir inkjesta pubblika.

Kien fis-seduta ta’ nhar il-Ħamis li għadda li l-Gvern ressaq emenda għat-talba u l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex issir inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

Fl-emenda tiegħu l-gvern kien qal li li peress li nfetħet inkjesta maġisterjali dakinhar li seħħet it-traġedja, peress li hemm fiduċja f’din l-inkjesta, peress li l-inkjesta għadha mhix konkluża għalhekk il-parlament jikkundanna kull tip ta’ attakki fuq il-familja ta’ JeanPaul Sofia, jinsisti li l-inkjesta Maġisterjali tingħalaq, iħeġġeġ biex iżommu lill-familja aġġornati, jissaħħu l-inizjattivi ta’ saħħa u sigurtà fuq il-postijiet u tax-xogħol. Għalhekk m’għandhiex ssirx inkjesta pubblika, sostna l-Gvern.

F’dik is-seduta stess, l-Oppożizzjoni permezz tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, kienet ressqet emenda oħra biex tagħmilha possibbli li ssir l-inkjesta pubblika.

Dakinhar, l-Ispeaker Anġlu Farrugia kien oġġezzjona għall-emenda tal-Oppożizzjoni u kien issospenda l-Kamra għal iktar tard iżda ma kienx hemm deċiżjoni.

Fis-seduta tal-lum, l-Ispeaker ta ruling dwar din l-emenda tal-Oppożizzjoni u qal li minħabba li għad ma kienx hemm deċiżjoni fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u fuq l-emenda tal-Gvern, allura ma setax jaċċetta l-emenda tal-Oppożizzjoni. Il-vot fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni se jittieħed fis-seduta tal-Erbgħa li ġej 12 ta’ Lulju 2023.

F’dan il-mument Karol Aquilina oġġezzjona għar-ruling tal-Ispeaker u nsista li dan hu preġudizzju li l-Ispeaker u l-Iskrivan tal-Kamra għandhom kontra l-Oppożizzjoni. Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina oppona għar-ruling tal-Ispeaker bl-istess Speaker, jkeċċi lil Karol Aquilina mill-parlament u jissospendi l-Kamra għal xi ħin. Meta reġgħet iltaqgħet il-Kamra, il-Whip Laburista Andy Ellul talab ruling fuq dak li ġara fil-parlament.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ċaħad l-allegazzjonijiet ta’ Andy Ellul u qal li s-Sedja ma tistax tagħti ruling li fih hi stess tkun involuta.