Ekonomija Lokali

L-MEA tgħid illi huwa xokkanti li 79% jaraw li hawn tixħim rampanti u abbuż ta’ poter f’pajjiżna

Skont il-Eurobarometer, 87% tal-Maltin jemmnu li l-korruzzjoni hi parti mill-kultura tagħna

Hija xokkanti, skont l-MEA, li l-korruzzjoni u t-tixħim saru parti mill-kultura tagħna; għalkemm mhix sorpriża li s-sitwazzjoni f’pajjiżna iddeterjorat sa dan il-punt. Tant illi skont il-Eurobarometer, 87% tal-Maltin jemmnu li l-korruzzjoni hi parti mill-kultura ta’ kif joperaw in-negozji.

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qalet fi stqarrija li bħala pajjiż spiċċajna niżlin fir-rotta li tpoġġi l-imprendituri bħala nies opportunisti. U li s-suċċess fin-negozju huwa dipendenti fuq min taf fil-politika, flok li tkun bieżel u kreattiv.

L-MEA fakkret ukoll illi huwa xokkanti li 79% jaraw li hawn tixħim rampanti u abbuż ta’ poter f’pajjiżna.

Fid-dawl ta’ dan kollu – speċjalment dak li ħareġ mill-Eurobarometer fl-aħħar ġimgħat – l-MEA qed tappella b’saħħa lill-Gvern biex iwettaq riformi immedjati.