Il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte se jitlaq mill-politika wara li l-Gvern ta’ koalizzjoni li kien imexxi krolla, nhar il-Ġimgħa, fost id-diżgwid dwar il-politika nazzjonali rigward l-immigrazzjoni. Rutte, li kienu ilu kważi 13-il sena fil-poter, bħalissa qed imexxi Gvern proviżorju sakemm isiru l-elezzjonijiet nazzjonali f’Novembru u qal li d-deċiżjoni biex jitlaq kienet waħda ‘personali’.
Intant, hu ikkonferma, fil-Parlament, li mhux se jikkuntesta għal ħames mandat ta’ poter u li se jispiċċa mill-politika dritt wara l-elezzjonijiet ġenerali. L-Olanda sa jiem ilu kienet qed titmexxa minn koalizzjoni li kellha lill-VVD ta’ Rutte bħala l-akbar partit.
Iżda l-erba’ partiti f’din il-koalizzjoni ma setgħux jaqblu dwar l-issue tal-immigrazzjoni – bil-VVD isib l-oppożizzjoni għal pjan biex jillimita lill-immigranti li qed jippruvaw għall-kenn politiku fl-Olanda.
Id-deputati parlamentari Olandiżi, ‘il quddiem, iridu jivvutaw dwar mozzjoni ta’ sfiduċja f’Rutte li ressqu żewġ partiti tax-xellug fl-Oppożizzjoni flimkien mal-partit estremista tal-lemin immexxi minn Geert Wilders. Il-mozzjoni, biex tgħaddi, teħtieġ l-appoġġ ta’ mill-anqas partit wieħed li kien jifforma parti mill-koalizzjoni preċedenti ta’ Mark Rutte.
//= $special ?>