Lokali

L-ispejjeż tal-ikel għal familja ta’ erbgħa żdiedu bi kważi €1,500 meta mqabbla mal-2020

Jitħabbru r-riżultati minn studju illi sar minn Caritas Malta dwar ‘Budget minimu għal ħajja diċenti’

Ċifri mill-aktar xokkanti illi juru il-gravità tas-sitwazzjoni marbuta mal-għoli tal-ħajja – dettalji illi kienu mħabbra uffiċjalment minn Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta, u li juru kif l-ispiza ta’ xirja għall-familja ta’ erbgħa għolliet b’€1,500.

Ir-riżultati li ħarġu mill-istudju li sar minn Caritas Malta dwar il-budget minimu li għandha bżonn familja għal ħajja diċenti wera kif l-anżjani huma l-aktar fis-soċjeta’ li qegħdin jintlaqtu mill-għoli tal-ħajja. Dan hekk kif ir-riżultati – meta mqabbla mal-2020 – juru li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja f’punti perċentawali għall-anzjani kienet ta’ 28.82%. Dan filwaqt illi fejn jidħlu mediċi, l-anżjani esperjenzaw zieda ta’ kwazi 50% fl-ispejjes.

Permezz ta’ dan l-istudju, Caritas Malta annalizat l-aktar affarijiet bażiċi li familja jkollha bżonn, kemm wieħed ikun jista’ jgħix. U għaldaqstant, l-istatistika miġbura ma tirriflettix kemm hija tassew inkwetanti l-isfida tal-għoli tal-ħajja fuq il-familji Maltin u Għawdxin – għaliex fil-verità, hija saħansitra agħar minn hekk.

Dan l-istudju wera wkoll illi fi żmien sentejn u nofs, l-ispiża fuq il-prodotti bażiċi għal familja ta’ adult u żewġt itfal għolliet bi kważi €112, filwaqt illi l-ispiża fuq il-prodotti bażiċi għal koppja anżjani għolliet bi kważi €80.

Minn dan l-istudju ħareġ ukoll illi wieħed ikun jaqbilu li jixtri l-frott u l-ħaxix mill-farmers market milli minn supermarket jew ħwienet tal-merċa.

Dan għaliex, meta sar l-istudji, ix-xirja tal-frott u ħaxix minn farmers market għal sebat ijiem ġiet tiswa kważi €40… filwaqt illi l-istess xirja minn ħanut ġiet tiswa kważi id-doppju – €77.

Fejn jidħlu prodotti ta’ mediċini u kura tas-saħħa, minn Frar tas-sena 2022 għal Frar ta’ din is-sena, l-ispiza fuq familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal għoliet bi kważi €34, filwaqt li għal familja ta’ adult u żewġt itfal l-ispiza għolliet bi €30. L-ogħla zieda fi prodotti ta’ mediċini u kura tas-saħħa qiegħdha tinħass mill-anzjani hekk kif iz-zieda telgħet għal €35.50 f’perjodu ta’ sena.

Meta l-prezzijiet tal-medicini gew ikkumparati mas-sena 2020, wieħed jinnota illi l-ispiza fuq familja ta’ żewġ adulti u zewgt itfal żdiedet bi €82, filwaqt illi għal familja ta’ adult u żewġt itfal, l-ispiza żdiedet bi €53. Għal darbohra, l-ispiza fil-prezzijiet tal-medicini u kura tas-saħħa għoliet l-aktar għal anzjani hekk kif fi zmien sentejn u nofs din għolliet b’€185.50.

F’kummenti lil dan l-istazzjon, il-professur Suzanne Piscopo appellat lill-awtoritajiet biex jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tittaffa d-daqqa tal-għoli tal-ħajja speċjalment fuq l-anzjani li huma l-aktar faxxa fis-soċjetà li qiegħdin ibatu minn din l-isfida.

Fid-dawl ta’ dan kollu, fir-rapport imħejji mill-Professur Suzanne Piscopo, minn Andre Bonello u minn Anthony Gatt, il-Caritas tippreżenta wkoll għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex aktar familji Maltin u Għawdxin jgħixu ħajja aktar diċenti.

Fost l-oħrajn, li jkun hemm iżjed skemi bejn NGOs u l-Awtoritajiet sabiex kwalunkwe ikel li jkun se jintrema imur għand dawk li verament għandhom bżonn l-għajnuna, filwaqt li appellat ukoll għal żieda ta’ farmers market f’lokalitajiet oħrajn minn barra dak ta’ Ta’ Qali u l-Birgu.

Caritas Malta qed tipproponi anke  li tonqos it-taxxa fuq il-frott u l-ħaxix, filwaqt illi tiġi implimentata application fuq il-mobile bl-isem ‘Social Security Digital Cash’ li teduka lill-poplu kif wieħed għandu jqassam flusu.