Mil-lejla, fit-8:30pm fuq Net Television, tibda sensiela ġdida ta’ Man Up+ għal matul l-iskeda kollha tas-sajf. Man Up+ hu isem sinonimu mal-programmi sportivi li għal dawn l-aħħar snin xandar Net Television, b’enfasi fuq il-logħba tal-waterpolo li f’pajjiżna hija tant popolari matul ix-xhur sħan tas-sajf.
Għal darb’oħra Man Up+ se jkun qed jiġi mtella’ u ppreżentant minn Christian Micallef, li għal dawn l-aħħar snin kien dejjem hu li ħa ħsieb il-produzzjoni ta’ dan il-programm sportiv. Din is-sena, Man Up+ se jkun qed jixxandar għall-24 sena konsekuttiva u b’differenza mill-aħħar snin, il-programm se jkun qed jiġi mtella’ minn studio, b’diskussjoni ħajja u interattiva li se tkun qed issir kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija dwar temi varji marbuta mal-waterpolo domestiku.
Illejla, fl-ewwel programm, Man Up+ se jkun qed isellem il-memorja tal-eks kowċ ta’ Sliema, Beto Fernandez li miet fl-aħħar ġimgħat, b’aħbar li ħasdet u xxukjat lil kulħadd. Sabiex jitkellem dwar dan il-kowċ Spanjol ta’ 46 sena, f’Man Up+ tal-lejla se jkun mistieden wieħed mill-ħbieb il-kbar li kellu Beto f’Malta, Edward Aquilina. L-eks plejer ta’ Sliema u ta’ diversi klabbs, se jkun qed jaqsam l-esperjenzi tiegħu miegħu.
Mistieden f’Man Up+ tal-lejla se jkun hemm ukoll Claudio Azzopardi, wiċċ ġdid fl-amministrazzjoni tal-ASA li hi responsabbli mill-loġistika u l-operat tal-assoċjazzjoni tal-waterpolo f’Malta.
Se jkun hemm ukoll żewġ interventi awdjo-viżivi barra mill-istudio, wieħed mal-kowċ ta’ Valletta, Joe Cremona u l-ieħor mal-President tal-ASA, Karl Izzo. Dan tal-aħħar bħalissa jinsab f’Podgorica, fil-Montenegro mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena. Din l-iskwadra mmexxija minn Jonathan Valletta tinsab viċin li tilħaq tragward storiku li tikkwalifika għall-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-15-il sena.
Man Up+ jibda llejla, it-Tnejn fit-8:30pm fuq Net Television.
//= $special ?>