Lokali Qorti

Milqugħa t-talba ta’ mara biex jiġu rtirati akkużi ta’ stupru u vjolenza kontriha mis-sieħeb tagħha

Il-Qorti nhar laqgħet talba ta’ mara żagħżugħa biex twaqqaf il-proċeduri kontra s-sieħeb tagħha dwar stupru u vjolenza domestika, u qalet li hu missier it-tifel tagħhom ta’ seba’ xhur u li kienet tħobbu. Il-Qorti semgħet li l-mara kienet marret fil-‘Gender Based Violence Unit’ tal-pulizija u rrapportat li s-sieħeb tagħha kien sawwatha l-ġurnata ta’ qabel.

Hija kienet telqet mid-dar tagħha, u meta reġgħet lura biex tipprova tirranġa l-affarijiet, huwa allegatament beda jagħtiha fuq rasha u qaqfilha f’kamra biex iwaqqafha milli tmur għand ommha.
Waqt l-investigazzjonijiet, ħareġ li r-relazzjoni kienet “ibbażata fuq il-biża”, spjegat l-Ispettur tal-Dorianne Tabone.

Il-mara sostniet li kienet vittma ta’ abbuż sesswali kontinwu. Il-biċċa l-kbira tal-ħin, is-sieħeb tagħha ġiegħelha tagħmel atti sesswali minkejja li rreżistiet. “Hu kien jitffagħha fuq is-sodda jew sufan jew kull fejn isib biex iwettaq dak kollu li jixtieq” qalet l-ispettur.

Ir-raġel ta’ 31 sena minn Birżebbuġa ġie arrestat u tressaq il-Qorti t-Tnejn, akkużat b’diversi każijiet ta’ stupru u reati oħra. Mistoqsija mill-avukat difensur Franco Debono biex tispjega x’riedet tfisser “każijiet ta’ stupru”, il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ġiegħel lill-vittma tagħmel atti sesswaliu minkejja li hija rrifjutat.

L-akkużat wieġeb mhux ħati ta’ stupru, atti sesswali mhux kunsenswali u li żamm illegalment l-allegata vittma tiegħu kontra r-rieda tagħha. Huwa ċaħad ukoll li weġġagħha ħafif, li kkaġunaha tibża’ mill-vjolenza, aggreditha, insulentaha u heddidha.

L-omm ta’ 21 sena infurmat lill-Qorti li xtaqet li twaqqaf l-ilment u r-rapport tagħha. Xehdet fil-qasir u qalet li ma xtaqitx tkompli bil-każ peress li l-akkużat kien missier binha. “L-importanti hu li jħallini kwieta,” qalet il-mara, u żiedet li r-relazzjoni tagħhom issa spiċċat.

Mistoqsija mill-Maġistrat Marsanne Farrugia jekk ġietx avviċinata minn xi ħadd, mhedda jew offruta xi flus biex twaqqa’ l-akkużi, ix-xhud wieġbet fin-negattiv. “Inħobbu,” hija qalet hekk kif ħarġet minn fuq il-pedana tax-xhieda.

Il-prosekuzzjoni ddikjarat li kienu se jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-qorti. L-avukat difensur Franco Debono sostna li l-qorti għandha tagħti piż dovut lix-xewqa tal-vittma wara li ġie aċċertat li hija kienet ħadet id-deċiżjoni tagħha b’mod volontarju.

Barra minn hekk, il-prosekuzzjoni ma kinitx oġġezzjonat għax-xewqa tal-vittma u dik ukoll kellha tingħata l-piż dovut. Il-maġistrat irtirat fis-sigrieta biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni u wara deliberazzjoni kemmxejn twila, il-Maġistrat tat digriet fejn osservat li l-partijiet kienu ilhom erba’ snin flimkien u kienu ġenituri ta’ tifel żgħir.

Barra minn hekk, dan kien l-ewwel rapport li tressaq kontra l-akkużat. Fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet bħal dawn, il-qorti laqgħet it-talba tal-vittma u ordnat li jwaqqfu l-proċeduri. L-avukati tal-AĠ Danika Vella u Shaun Azzopardi mexxew il-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi Dorianne Tabone u Colin Sheldon. L-avukati Franco Debono, William Cuschieri u Lennox Vella kienu avukati difensuri. L-Avukat Yanika Bugeja assistiet lill-vittma.