Lokali Parlament

Min jabbuża u jieħu titlu u pussess ta’ art bla permess ma jistax ikun aġevolat

Darren Carabott, PN

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-invetsituri u żviluppaturi li jabbużaw u jieħdu art bla permess ma jistax ikun aġevolat u jitpoġġa fl-istess keffa mal-iżviluppaturi li jimxu mal-liġi.

Fid-dibattitu parlamentari dwar it-trasferiment ta’ art lil Fortina Developments f’Tas-Sliema, Darren Carabott qal li dan hu proġett diġà lest u fetaħ kummerċjalment għall-pubbliku.

Hu kompla li kien hemm permess mill-Awtorità tal-Ippjanar iżda kien suġġett li l-applikant ikollu t-titolu mill-parlament; liema titolu għadu ma ngħatax.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar it-titlu u l-pussess u sostna li meta l-Oppożizzjoni toġġezzjona, dan isir fuq raġunijiet validi għaliex meta l-proġetti jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà, l-Oppożizzjoni taqbel. F’dan il-proġett hemm min ħa 500 metru kwadru ta’ art fil-baħar, bnieha u qed jużaha kummerċjalment.

X’inhu l-punt li l-parlament qed jiddiskuti l-pussess ta’ din l-art meta hemm ħaddieħor li qabad u ħadha? irrimarka Darren Carabott, li kompla li l-awtoritajiet qed jgħaqlu għajnejnhom quddiem din l-attitudni ta’ art pubblika.

Il-gvern issa qed jammetti l-iżviluppatur bena mingħajr titlu, sostna Darren Carabott, li qal li l-proposta tal-gvern hi li l-iżviluppatur iħallas €70,000 u kollox ikun regolat. Hu qal li l-gvern qed jibgħat messaġġ ħażin lis-soċjetà għaliex mhux kulħadd qed jitpoġġa fl-istess keffa.

Min jabbuża ma jistax jitpoġġa fl-isfess keffa mal-iżviluppaturi ta’ rieda tajba, sostna Darren Carabott, li kompla li l-investituri li jaħdmu skont regoli għandhom ikunu mgħejjuna mill-gvern.

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott kompla li li kien il-PN fil-gvern li fetaħ il-pajjiż għall-investiment barrani u għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Gvern ġdid Nazzjonalista ma jaċċettax din l-attitudni ta’ min jaqbad u jieħu l-art meta ma jkollux titlu, sostna Darren Carabott.