Internazzjonali

Spanja: It-tiġrijiet mal-barrin f’Pamplona jinsabu fl-eqqel tagħhom

Dan hu r-raba’ jum tat-tlielaq tradizzjonali mal-barrin li huma sinonimi mal-Festa ta’ Sanfermin u li jsiru kull sena fil-belt ta’ Pamplona.

Il-festa u t-tlielaq mal-barrin saru avveniment famuż madwar id-dinja wara li l-awtur u ġurnalista magħruf Amerikan Ernest Hemingway pitter id-drama assoċjati ma’ Sanfermin permezz tal-pinna inimitabbli tiegħu. 

Fil-fatt, eluf ta’ nies minn madwar id-dinja, bħal dan iż-żmien tas-sena, imorru f’Pamplona biex huma wkoll jieħdu sehem fl-esperjenza eċċitanti u daqstant ieħor perikoluża.

L-avveniment magħruf bħala ‘running with the bulls’ jinvolvi numru ta’ barrin li jintelqu fit-toroq dojoq ta’ Pamplona u fejn quddiemhom ikun hemm il-folol tal-irġiel li jridu jiġru għal distanza ta’ 875 metri sakemm jaslu sal-arena fejn isir il-ġlied mal-barrin.

Il-festa ta’ Sanfermin se tkompli sal-14 ta’ Lulju u l-parteċipazzjoni fit-tlielaq, minbarra li ssir bla ħlas, hi limitata għal persuni li għandhom ‘il fuq minn 15-il sena.