Tinduna jew le… 1 minn kull 59 persuna fid-dinja għandha l-kundizzjoni tal-awtiżmu.
Dan ifisser li 135 miljun persuna fid-dinja kollha għandha din il-kundizzjoni li timmanifesta ruħha b’modi differenti, fejn fost oħrajn, wieħed isibha diffiċli li jikkomunika, tant li jkun jeħtieġ ta’ spazju aktar kalm fejn stimuli sensorjali jkunu mnaqqsa.
F’dawn l-aħħar snin, l-awtiżmu ngħata aktar attenzjoni sabiex wieħed jifhem lill-persuna b’din il-kundizzjoni u fuq kollox, jiġu offruti postijiet aktar aċċessibbli u inklussivi għall-persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu u l-familji tagħhom.
Daqs sena u nofs ilu, l-Għaqda mhux Governattiva, Prisms flimkien mal-Kummisjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tat-Tfal bl-Awtiżmu bdew jaħdmu biex pajjiżna jkollu postijiet addattati għal persuni bl-awtiżmu, u fil-fatt, illum il-ġurnata għandna ‘l fuq minn 10 postijiet li jiddedikaw ħinijiet mill-ġurnata għall-persuni b’din il-kundizzjoni.
Minn stilisti tax-xagħar, għal postijiet ta’ divertiment u saħansitra stabbilimenti tal-ikel qalbu l-postijiet tagħhom biex jassiguraw li persuni bl-awtiżmu jħossuhom komdi u siguri bħal kull persuna oħra.
Net News tkellem mal-persuna li qed tieħu ħsieb din l-inizjattiva bl-isem ta’ ‘Autism Friendly Spaces’ li rat l-oriġini tagħha grazzi għall-fondi ta’ Erasmus+ immexxija minn EUPA, b’Margaret White tkellimna dwar l-importanza ta’ dan il-proġett, b’dawk kollha li għamlu użu minn dawn il-postijiet qalulhom kemm kien effettivi.
Prisms qed taħdem biex f’Malta u f’Għawdex ikun hawn iktar Autism Friendly Spaces ħalli persuni bl-awtiżmu ma jkunux limitati f’liema postijiet ikunu jistgħu jmorru.
Kull negozju li jagħżel li jaddatta l-post tiegħu għal persuni bl-awtiżmu jingħata rikonoxximent mill-għaqda Prisms u b’hekk ikunu jistgħu jibdew iservu lill-persuni bl-awtiżmu, fejn fost l-oħrajn il-postijiet jaddattaw id-dawl u l-mużika filwaqt li l-impjegati jiġu imħarrġa x’għandhom jagħmlu eżatt ma’ persuni bl-awtiżmu.
Jekk wieħed ikun interessat li n-negozju tiegħu jkun Autism Friendly jista’ jidħol fuq din il-paġna u jsib l-informazzjoni kollha meħtieġa: https://www.autismfriendlyspaces.eu/
