Lokali

“Bil-liġi imsejħa il-‘Liġi Daphne’, qed nipproteġu lill-ġurnalisti, il-libertà tal-midja u d-demokrazija” – Roberta Metsola

Il-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza qawwija favur direttiva tal-Unjoni Ewropea immirata biex tipproteġi lill-ġurnalisti, attivisti, akkademiċi, artisti, u riċerkaturi mill-kawżi SLAPP – vot illi huwa pass importanti biex il-‘Liġi Daphne’ ssir realtà.

Wara l-vot, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP Maltija Roberta Metsola stqarret li tinsab kburija bir-reżiljenza tal-Parlament, għax kieku ma kienx għall-Parlament Ewropew, lanqas biss kien ikun hemm proposta għad-direttiva SLAPP.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal direttiva ssegwi l-inizjattiva li ħa l-Parlament fl-2021.

F’kummenti lil Net News, il-President Metsola qalet li l-bżonn li l-ġurnalisti jitħallew jirrappurtaw b’mod ħieles fuq kwistjonijiet li huma ta’ interess pubbliku mhux biss huwa importanti, iżda essenzjali biex jiġu mħarsa il-valuri tal-Unjoni Ewropea; fosthom l-ugwaljanza, id-demokrazija u s-saltna tad-dritt.

“Demokrazija b’saħħitha tiddependi fuq ġurnalisti li jaħdmu fil-libertà. Din id-direttiva li ħadet l-isem ta’ Daphne’s Law –  imsemmija għall-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia, se toffri protezzjoni lill-ġurnalisti kontra proċeduri legali abbużivi, magħrufa bħala SLAPP, li jinfetħu biex ibeżżgħu lill-media milli tikxef il-verità. Niftakru li qabel ġiet assassinata, Daphne Caruana Galizia kellha 42 kaz il-Qorti miftuħin kontriha. Permezz ta’ din il-liġi, l-pajjiżi Ewropej se jkunu jistgħu jimponu sanzjonijiet fuq dawk li jippruvaw jabbużaw mis-sistema ġudizzjarja.”

Intant, fi stqarrija, l-MEP David Casa faħħar il-progress li sar s’issa u rringrazzja lit-tim tal-Parlament Ewropew u lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová tal-ħidma tagħhom … filwaqt li wissa kontra l-isforzi tal-istati membri biex idgħajfu din il-liġi. “Ejja niżguraw li l-liġi ta’ Daphne tkun denja ta’ isimha”, appella Casa lill-plenarja fi Strasburgu.