Lokali

Chris Fearne ħeba l-kuntratt tal-Vitals mill-Kummissarju tas-Saħħa

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Ma taqta’ xejn is-saga tal-Vitals hekk kif issa ħareġ li l-Kummissarju għas-Saħħa kemm-il darba kien talab il-kuntratt sħiħ li sar bejn il-Gvern u l-Vitals, iżda l-Ministeru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Chris Fearne dejjem irrifjuta li dan il-kuntratt jingħata.

L-eks Kummissarju għas-Saħħa, Charles Messina ikkonferma dan fl-aħħar rapport annwali li sar mill-Ombudsman fejn saħaq li kienu saru sejħiet ripetuti – iżda dejjem ġew irrifjutati.

Messina kien irċieva biss il-verżjoni tal-kuntratt li kien diġa’ ġie ppreżentat fil-Parlament; l-istess verżjoni li ma kinitx tagħti l-informazzjoni kollha meħtieġa.

L-eks Kummissarju għas-Saħħa spjega kif is-sitwazzjoni aggravat ruħha meta l-Ministru għażel li jgħaddi l-kuntratt sħiħ lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, b’riżultat li spiċċa jaqbeż lil Messina.

Fi Frar li għadda, il-Qorti kienet ikkonkludiet li l-kuntratt ta’ Vitals u Steward kien wieħed frawdolenti… kuntratt li ġie ffirmat mill-Gvern Laburista, u li spiċċa wassal biex it-tliet sptarijiet ewlenin f’pajjiżna tħallew mitluqa u ma sar ebda investiment.

Minkejja il-provi kollha dwar it-telqa li Vitals u Steward ġabu fis-settur tas-saħħa… l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ jiddefendi dan id-deal, u jinsisti li l-Gvern ma’ għamel xejn ħażin – anzi, stqarr illi kien il-vittma.