Lokali Mużika

Għotja ta’ mużika

Fost ħafna teżori li għandhom bosta soċjetajiet mużikali, hemm il-kompożizzjonijiet ta’ surmastrijiet li jkunu għamlu żmien attivi fl-istess kazini tal-banda.

Dawn l-kompożizzjonijiet jinżammu b’għożża u kultant jiġri li l-istess soċjetajiet mużikali jiġu preżentati aktar materjal li jarrikkixxu l-kollezzjoni. 

Nhar it-Tnejn 10 ta’ Lulju s-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan ta’ Ħal Qormi sejħet konferenza stampa fejn is-sinjuri Ottilia u Olaph Terribile għaddew sittax il-kompożizzjoni tan-nannu tagħhom is-Surmast Giuzeppe Ciappara (1904-1969) u li kien tgħallem il-muzika u konsegwentement kien ukoll assistent surmast fl-istess soċjetà, bejn is-snin erbgħin u sittin tas-seklu l-ieħor.  B’hekk dawn il-kompożizzjonijiet ta’ marċi brijjużi, f’għamla ta’ notamenti oriġinali mis-surmast, huma bħal materjal ġdid u li ser jkunu qed jiżdiedu mal-materjal mużikali fl-arkivji tas-soċjetà konċernata.

Giuzeppe Ciappara magħruf fost il-Qriema bħala ‘Tal-Isprin’ u huwa persuna li kkontribwixxa ħafna lejn ix-xena mużikali lokali, inkluż fi żmienijiet tal-Gwerra.  Iżda sfortunatament ftit insibu referenzi li jagħmlu l-apprezzament ġust ma dan il-kompożitur. 

Huwa kiber mużikalment fi ħdan il-banda Qormija u konsegwentement kellu konnessjonijiet ukoll partikolarment mal-baned King’s Own tal-Belt u La Vittoria tal-Mellieħa, filwaqt li l-Banded Queen Victoria Żurrieq, Stella Maris Sliema u Madonna tal-Ġilju Mqabba wkoll għandom kompożizzjonijiet ta’ Ciappara fost ir-repertorju. Iżda lil hinn mill-baned, Ciappara kien involut sew fir-Teatru u attiv fil-kumpanij ta’ drama fi ħdan il-Każin Pinto bl-isem ‘id-Dehen’ fis-snin ta’ qabel l-aħħar gwerra u ‘L’Amicizia’ fis-snin ta’ wara l-gwerra.  Dan filwaqt li kien ukoll jikkomponi mużika għall-kumpanija ‘Dun Mikiel Xerri’ ta’ Ħaż-Żebbuġ. 

Kontribut ieħor ta’ Ciappara kien permezz tal-banda tiegħu ‘Danube Dance Orkestra’ u ‘The Caballeros’ li kienet rinomata bħala kumpanija tad-drama mużikali f’diversi lokalitajiet.  Aktar ma dan huwa kien ukoll jikkomponi mużika għal diversi kanzunetti għall-festivals, l-aktar flimkien ma lirika ta’ George Zammit u Spiro Zammit Orchestra. 

F’dan il-kuntest fost l-aktar magħrufa hija l-kanunetta ‘l-Kaċċatur’ kantata originarjament minn Joe Grech.  Iżda huwa kien ukoll ikkompeta f’festivals fl-Italja fost l-oħrajn permezz tal-kanzunetta ‘La Giornata Della Mamma‘(1966) kantata minn Ivana Benedetti fil-festival Sicilia D’Oro u li kien preżentat minn Mike Bongiorno.  B’hekk nistgħu nifmhu aħjar il-versitilità fil-kompozizzjoni ta’ Ciappara l-aktar jekk ma din il-lista nżidu wkoll il-kontribut fil-karnival u kompożizzjoni ta’ Operetti u Vaudville li huma bħal farsa ibbażata ħafna fuq mużika u żfin.

Huwa fatt pożittiv li s-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan se tkun qed tkompli tirriċerka dwar il-kontribut ta’ Giuzeppe Ciappara u l-materjal tiegħu, filwaqt li tippriserva bl-aħjar mod il-kontribut artistiku tiegħu possibilment b’recordings fiż-żmien li ġej. Dan jagħmel ġieh lil din is-soċjetà Qormija, li filwaqt li bħalissa għaddejja b’xogħol estensiv fis-sede tagħha fi Triq San Sebastjan, xorta qed tara kif il-banda u l-kontribut mużikali jibqgħu jingħataw l-prijoritajiet li jistħoqqilhom bħala socjetà mużikali.

Fl-istess konferenza ta’ nhar it-Tnejn 10 ta’ Lulju, is-surmast direttur preżenti tas-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan, Mro Domenic Darmanin ukoll irregala kompożizzjonijiet tiegħu bħala repertorju esklussiv tas-soċjetà.