Lokali

“Id-dnub ma jmut qatt” – Jason Micallef

Jason Micallef, Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, għal darba oħra rrikorra għall-midja soċjali biex jattakka lil Robert Abela u lil dawk ta’ madwaru li fl-aħħar snin irmewh u warrbuh minn kollox għas-sempliċi raġuni li hu assoċjat ma’ Joseph Muscat.

Jason Micallef, kritiku b’mod ripetut tal-ħidma u t-tmexxija ta’ Robert Abela, fi ktiba fuq il-mezzi soċjali qal li: “Personalment, u bħala Laburist konvint, dan jibqa’ wieħed mill-aktar mumenti – politikament – ta’ dieqa li qatt għext kemm ilni nimmilità f’dal-partit glorjuż tagħna. Konvint li l-istorja għad trid tinkiteb, tingħad kollha, speċjalment dak li għadda minn wara l-kwinti biex twaqqa’ l-Gvern leġittimu Laburista ta’ Alfred Sant. Għax f’dak iż-żmien Mintoff deher il-perċimess, iżda miegħu, minn wara l-kwinti, kien hemm oħrajn li għamlu ferm agħar minnu biex waqqgħu, u ċaħħdu lil-Laburisti kollha minn Gvern leġittimu Laburista. Għad insiru nafu, għax kif jgħid il-Malti, ‘id-dnub ma jmut qatt’,” temm jikteb Jason Micallef.

Sorsi fi ħdan il-Labour kienu li indikawlna li din hija referenza diretta għall-familja Abela… fil-konfront ta’ Robert Abela iżda wkoll fil-konfront ta’ George Abela, missier Robert Abela.

Dan għax Jason Micallef, li għex l-istorja, jaf ben tajjeb li jekk l-Eks Prim Ministru Duminku Mintoff, 25 sena ilu, kien fuq quddiem nett u ħareġ għonqu biex twaqqa’ l-Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant, jaf ben tajjeb ukoll li fost dawk li mmiltaw qatigħ biex intlaħaq dak it-tragward kien hemm ukoll nies bħal George Abela… naturalment moħbija!

Imma Jason Micallef, li kien jimmilita fl-ogħla strutturi tal-Partit Laburista, u dak iż-żmien kien fl-aqwa tiegħu, jafhom ben tajjeb il-manuvri li kienu qed iseħħu fil-partit u barra l-Partit Laburista biex ittajjar Alfred Sant wara 22 xahar biss ta’ tmexxija bħala Prim Ministru.

Jaf ben tajjeb b’ċertu laqgħat li kienu jsiru u b’ċertu messaġġi li kienu jitwasslu u kif kienu jitwasslu!

Imma Jason Micallef minn dejjem kien assoċjat mal-fazzjoni ta’ Joseph Muscat u għalhekk fl-aħħar snin il-fazzjoni ta’ Robert Abela tajritu kważi minn kollox, speċjalment tneħħa mit-tmexxija tal-ONE TV.

Fi ftit kliem Jason Micallef illum jinsab imwarrab kważi minn kollox u għalhekk jirrikorri għall-mezzi soċjali biex permezz tal-ktiba tiegħu jwassal messaġġi sinifikattivi ħafna… bħal f’dan il-każ fejn bl-aktar mod sottili qed jirriferi għal George Abela u l-ħtieġa li tinkiteb l-istorja b’mod korrett biex dak li sal-lum għadu moħbi jinħareġ fid-deher.