Il-gwardjani tal-kosta Spanjoli fl-aħħar sigħat salvaw aktar minn 90 immigrant minn dgħajsa li kienet ilha nieqsa għal aktar minn ġimgħa.
Is-sejba tal-immigranti kienet kważi ‘mirakoluża’ peress li l-awtoritajiet marittimi kienu kważi qatgħu qalbhom li jsibu l-ħajjin wara tfittxija intensiva u fit-tul li ma produċiet l-ebda riżultati sat-Tnejn filgħaxija.
Intant, id-dgħajsa tas-sajd — mgħobbija bl-immigranti mill-pajjiżi Afrikani ta’ taħt is-Sahar — nstabet xi 130 kilometru lejn il-lbiċ tal-Gżejjer Kanarji
Din id-dgħajsa kienet telqet mis-Senegal fit-23 ta’ Ġunju u fost il-passiġġieri kien hemm ammont ta’ nisa u tfal li fl-aħħar sigħat ittieħdu minnufih għal trattament (fil-Gżejjer Kanarji) wara li kienu damu l-jiem neqsin mill-ikel u l-ilma.
Il-vjaġġi mill-Punent tal-Afrika lejn il-Gżejjer Kanarji jridu jgħaddu mill-aktar rotot marittimi perikolużi għall-immigranti.
Proprju s-sena l-oħra, mietu talanqas 560 immigrant li użaw dik ir-rotta ta’ baħar partikulari biex jaslu sal-Gżejjer Kanarji – b’din iċ-ċifra tkun ikkonfermata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Immigrazzjoni.
L-immigranti ddisprati li qed jissugraw ħajjithom waqt dawn il-vjaġġi, fil-parti kbira, jinkludu nies mill-Marokk, il-Mali, is-Senegal, il-Kosta tal-Ivorju – bil-Ministeru tal-Intern Spanjol jipprovdi ċifri għall-2022 li juru li madwar 15,700 immigrant, dik is-sena, irnexxielhom jaslu fil-Gżejjer Kanarji mingħajr permess.
//= $special ?>

