Internazzjonali

Il-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-UE: il-MPE jappoġġjaw regoli kontra l-kawżi abbużivi

Il-Parlament Ewropew irid isaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-attivisti fl-UE kontra kawżi infondati u abbużivi intiżi li jsikktuhom.
Skont abbozz ta’ liġi approvat nhar it-Tlieta fil-plenarja, il-ġurnalisti, l-organizzazzjonijiet tal-media, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti, ir-riċerkaturi u l-artisti se jkunu protetti fl-UE minn kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs), li l-għan tagħhom huwa li jintimidawhom u jippenalizzawhom. B’498 voti favur, 33 voti kontra u 105 astensjonijiet, il-MPE adottaw il-pożizzjoni ta’ negozjar tagħhom dwar regoli ġodda biex jipproteġu lil dawk li jaħdmu dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku bħalma huma d-drittijiet fundamentali, l-attivitajiet ta’ uffiċjali pubbliċi jew l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.

Applikazzjoni transfruntiera u salvagwardji ta’ protezzjoniIr-regoli l-ġodda għandhom japplikaw għall-kawżi transfruntieri meta l-konvenut, ir-rikorrent u l-qorti ma jkunux ibbażati fl-istess pajjiż jew meta l-att ta’ parteċipazzjoni pubblika, sew jekk ikun artiklu tal-istampa, post fuq il-media soċjali, vidjow, xi riċerka, jew xogħol tal-arti, ikollu rilevanza għal aktar minn Stat Membru wieħed u dak li jkun ikun jista’ jaċċedi għalih b’mod elettroniku.L-abbozz ta’ direttiva jipprevedi salvagwardji għall-vittmi ta’ SLAPPs, inkluża l-possibbiltà ta’ talba għal ċaħda bikrija tal-kawża, u f’dak il-każ rikorrent ikollu jagħti prova li l-kawża tiegħu mhix infondata. Ir-rikorrent ikollu wkoll ikopri l-ispejjeż kollha tal-kawża, inkluża r-rappreżentanza legali tal-konvenut u l-penali, filwaqt li l-vittma ta’ SLAPP ikun jista’ jitlob kumpens, inkluż kumpens għad-dannu psikoloġiku u għall-ħsara għar-reputazzjoni. Biex tiġi limitata l-prattika fejn tintgħażel il-qorti li hemm l-aktar ċans li tilqa’ l-pretensjoni tar-rikorrent, il-kawżi ta’ malafama jkunu ammissibbli biss fil-qorti nazzjonali tal-konvenut. L-Istati Membri ma għandhomx jirrikonoxxu s-sentenzi ta’ SLAPP ta’ pajjiżi terzi kontra individwi u kumpaniji li jirrisjedu fit-territorju tagħhom u għandhom jippermettu lil dawk li jiġu attakkati li jingħataw kumpens fil-qorti nazzjonali.

Assistenza nazzjonali u taħriġIl-MPE jridu lill-Istati Membri jistabbilixxu punti uniċi ta’ servizz fejn il-vittmi ta’ SLAPP jistgħu jfittxu informazzjoni u pariri, u huma jħeġġu lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħtu lil dawk li jaqgħu fil-mira ta’ SLAPP assistenza finanzjarja, legali u psikoloġika. Il-pajjiżi tal-UE se jkunu meħtieġa jiżguraw li l-professjonisti fil-qasam legali jirċievu taħriġ xieraq fir-rigward tal-kawżi SLAPP u li l-assoċjazzjonijiet professjonali tagħhom jadottaw regoli li jiskoraġġixxu lill-membri tagħhom milli jaħdmu fuq kawżi abbużivi. Il-MPE qegħdin jitolbu wkoll lill-Istati Membri jiġbru data rilevanti, speċjalment deċiżjonijiet tal-qrati, u qegħdin jitolbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi reġistru tal-UE dwar is-SLAPPs.

KwotazzjoniIl-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet: “Il-ġurnaliżmu jeħtieġ il-kuraġġ — iżda l-ġurnalisti m’għandhomx ikunu mġiegħla jkunu kuraġġużi biex jagħmlu dan. Il-Parlament Ewropew dejjem se jipproteġi lil dawk li qed ifittxu l-verità u jirrispetta d-dritt demokratiku tagħna li nkunu nafu. Meta kawżi frivoli jheddu l-ħajjiet u l-għajxien, filwaqt li jabbużaw mis-sistemi tal-ġustizzja tagħna, għandna nilleġiżlaw. Bl-abbozz ta’ liġi tal-lum, approvat bil-qawwa fil-plenarja, dan huwa preċiżament dak li qed nagħmlu.”Wara l-votazzjoni fil-plenarja, ir-relatur Tiemo Wölken (S&D, Ġermanja) qal: “Kawżi abbużivi qed jiddiswadu l-ilħna kritiċi milli jitfgħu dawl fuq kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Il-ġurnalisti u l-attivisti huma l-pedament tad-demokraziji tagħna u għandhom ikunu jistgħu jaħdmu mingħajr ma jiġu intimidati. B’din id-direttiva, aħna għandna l-għan li niżguraw li jkunu protetti madwar l-UE, li l-vittmi jirċievu appoġġ finanzjarju u psikoloġiku u li jkun hemm definizzjoni usa’ ta’ każijiet transfruntiera. Il-qrati tagħna ma jistgħux ikunu post fejn dawk bil-fluz u l-poter jistgħu jilgħabu.”Il-passi li jmissKonferenza stampa mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-MPE relatur Tiemo Wölken se ssir nhar l-Erbgħa fl-10.00.It-taħditiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri dwar ix-xejra finali tal-leġiżlazzjoni se jibdew aktar tard dakinhar. Ix-xahar li għadda l-Ministri tal-UE qablu dwar il-pożizzjoni ta’ negozjar tagħhom.