Id-deċiżjoni tat-Turkija biex, finalment, twitti t-triq għall-isħubija tal-Iżvezja fl-Alleanza tal-Punent tfisser tassew mument storiku għall-pajjiż Skandinav, kif ukoll għan-NATO.
L-Iżvezja kienet ilha sena tissielet biex tifforma parti minn din l-alleanza għal difiża li ilha mwaqqfa għexieren ta’ snin u wara li l-pajjiż partikulari kien ilu josserva politika ta’ newtralità għal aktar minn 200 sena.
L-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja xeħtet dawl ġdid fuq ir-realtajiet tallum u l-Iżvezja deċidiet li tibdel id-direzzjoni bħala parti mill-impenn għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbilità fl-Ewropa ta’ Fuq.
It-Turkija kienet ilha dan iż-żmien kollu timblokka l-isħubija tal-Iżvezja fuq l-argument li l-pajjiż Skandinav kien qed jagħti refuġju lill-militanti Kurdi tal-grupp PKK…Grupp ta’ militanti li l-Gvern Tork, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jqisuh bħala organizzazzjoni terroristika.
It-Turkija – l-istess bħal kwalunkwe pajjiż ieħor tan-NATO — għandha l-poter biex twaqqaf pajjiż ġdid milli jissieħeb fl-Alleanza tal-Punent.
Intant, l-aħħar taħditiet ta’ Ulf Kristersson mal-President Tork Recep Tayyip Erdogan qed jitqiesu bħala trijonf politiku kbir għall-Prim Ministru Żvediż li, fl-aħħar sigħat, sostna li hu u d-diplomati fi Stokkolma stinkaw ħafna biex iserrħu ras it-Turkija li l-Iżvezja mhix qed tipprovdi kenn lit-terroristi.
Dan meta l-Iżvezja, issa, qed tipprepara biex tiftaħ paġna ġdida fl-istorja – l-istess bħalma kienet għamlet il-Finlandja, pajjiż ieħor Skandinav li xhur ilu kien ukoll issieħeb fin-NATO wara snin twal ta’ newtralità.
U filwaqt li kienet l-eks Prim Ministru tal-Iżvezja, Magdalena Andersson, li ħadet ħsieb l-applikazzjoni inizjali tal-Iżvezja biex tifforma parti min-NATO, Ulf Kristersson, politiku tal-lemin, mal-ewwel ta priorità assoluta lil dan it-tragward mindu ħa r-riedni tal-pajjiż f’Ottubru li għadda.
//= $special ?>

