Jidher li żdied il-kunsens ġenerali fost il-pajjiżi tan-NATO biex l-Ukrajna, fil-futur, issir membru tal-Alleanza tal-Punent . Madankollu hu ċert li dan it-tragward storiku ma jistax u mhux se jintlaħaq qabel tintemm il-gwerra attwali fl-artijiet Ukreni.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ mill-ewwel jum tas-summit tan-NATO li qed isir f’Vilnius, il-kapitali tal-Litwanja, u fejn il-Kap tal-Alleanza, Jens Stoltenberg, qal li l-Ukrajna ‘hi ħafna eqreb tan-NATO milli qatt kienet’.
Stoltenberg enfasizza li l-Ukrajna għandha tingħata ‘messaġġ ċar u pożittiv’ dwar l-isħubija waqt li fakkar li dan il-pajjiż avvanza ħafna fil-proċess lejn sħubija fin-NATO wara li l-Alleanza, fl-2008, kienet qalet li l-Ukrajna ‘f’xi żmien’ għandha ssib postha fl-organizzazzjoni ta’ difiża internazzjonali.
Illum, l-Alleanza qed tirrifletti aktar dwar l-issue tal-Ukrajna fid-deċiżjonijiet li tieħu. Iżda waqt li l-Istati Ewropej tal-Lvant iridu li l-Ukrajna ssir membru sħiħ tan-NATO, xi pajjiżi xorta għadhom juru kawtela għaliex jibżgħu li jistgħu jispiċċaw fl-eqqel ta’ konflitt militari mar-Russja.
Fil-fatt, il-Gvern Ukren hu rassenjat għall-fatt li ma jistax jissieħeb fin-NATO qabel it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna – madankollu l-President tal-Ukrajna, Voldymyr Zelensky, ikkritika ‘id-dawmien tan-NATO’ f’mument mill-aktar kruċjali għall-Punent. Hu intant fisser is-sitwazzjoni fejn ma ngħatax timeframe għall-isħubija ta’ pajjiżu bħala ‘waħda assurda u mingħajr preċedent;’.
Zelensky kompla li l-inċertezza tan-NATO f’dan il-punt qed twassal messaġġ ħażin u li jista’ anki jirrifletti sitwazzjoni ta’ dgħjufija li tinkoraġġixxi lir-Russja biex tkompli bil-kampanja ta’ terrur kontra l-familji Ukreni.
Il-President anki kritika l-fatt li d-diskors, għalissa, aktar jinvolvi ‘l-istedina biex l-Ukrajna ssir membru tan-NATO milli l-kunċett proprju tal-isħubija.’ U l-Mexxej Ukren saħaq li n-nuqqas ta’ żmien stabbilit għall-isħubija jiftaħ ‘tieqa ta’ opportunità biex il-futur tal-Ukrajna fin-NATO isir fattur ewlieni fin-negozjati mar-Russja.’
L-isħubija fin-NATO tista’ iddum is-snin biex tkun attwata u l-Ukrajna qed tinsisti li dawn iż-żmenijiet kruċjali għall-Ewropa jesiġu fast tracking tal-applikazzjoni tagħha biex issir parti mill-Alleanza li taffordja sigurtà u sistema ta’ difiża bażata fuq il-kollettiv.
Sadanittant – u minkejja l-proċess ikkumplikat u l-kriterji diplomatiċi li jridu jkunu osservati – il-Mexxejja kollha tan-NATO qed jissimpatizzaw bis-sħiħ mas-sitwazzjoni diffiċli ta’ Zelensky u l-Ukrajna. Dan waqt li l-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak qed jisħaq dwar l-importanza li l-Alleanza tirrijaffirma b’mod aktar sod il-proċess għall-inklużjoni tal-Ukreni u li jsir il-progress tanġibbli lejn dan it-tragward.
//= $special ?>

