Lokali Parlament

L-Ispeaker kompliċi ma’ Robert Abela biex ma ssirx Inkjesta Pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija kkundanna l-imġieba skorretta u preġudikata tal-Ispeaker Anġlu Farrugia fil-konfront tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista b’mod partikolari fil-konfront tad-Deputat u Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN Robert Cutajar.

Bl-imġieba u d-deċiżjonijiet żbaljati tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia rrenda ruħu kompliċi ma’ Robert Abela li qed jagħmel minn kollox biex ma ssirx inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

F’ruling li ta lbieraħ, l-Ispeaker ċaħħad lill-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista mid-drittitagħhom li jressqu mozzjoni biex issir emenda għall-emenda proposta mill-Gvern. Dan id-dritt joħroġ ċar mill-Erskine May Parliamentary Practice (25th edition, 2019, paragrafu 20.43) u mill-prattika kostanti u regolari ta’ diversi parlamenti oħra madwar id-dinja kollha.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ilu 10 snin sħaħ kompliċi mal-Gvern ta’ Joseph Muscat u Robert Abela li għamlu minn kollox biex iwaqqfu lill-Parlament milli jkun jista’ jagħmel skrutinju effettiv fuq il-ħidma tal-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Ispeaker Anġlu Farrugia jneħħi l-għamad politiku tiegħu u jibda jaġixxi b’mod serju, imparzjali, korrett u ġust. L-Ispeaker għandu jagħmel dan biex jiżgura d-drittjiet tal-Membri Parlamentari kollha inklużi dawk tal-Partit Nazzjonalista bħala rappreżentanti eletti tal-poplu Malti u Għawdxi.