Hekk kif ninsabu biss ġurnata bogħod mill-vot biex issir inkjesta pubblika b’rabta mat-traġedja ta’ Jean Paul Sofia, ommu Isabelle Bonnici kompliet bl-impenn tagħha sabiex aktar nies jappoġġjaw il-petizzjoni li qed titlob lid-deputati kollha jivvutaw favur din il-mozzjoni.
F’dawn il-jiem, Isabelle Bonnici reġgħet marret quddiem il-parlament biex tkompli titfa’ pressjoni fuq il-gvern għal inkjesta pubblika.
Permezz ta’ filmat li kien ippubblikat fuq il-midja soċjali, Isabelle Bonnici fakkret kif hi ilha għal dawn l-aħħar seba’ xhur tiġġieled sabiex issir ġustizzja ma’ binha. Kien għalhekk li t-Tnejn filgħaxija Isabelle Bonnici reġgħet marret quddiem il-parlament sabiex tkompli tiġbor aktar firem għall-petizzjoni.
Isabelle Bonnici aċċennat fuq l-importanza li joħorġu l-iżballji li hemm fis-sistema biex ġenituri oħra ma’ jgħaddux mill-istess dulur li għaddiet minnu hi u l-kumplament tal-familja tagħha.
Kien għalhekk li għal dawn l-aħħar xhur hija marret quddiem il-parlament diversi drabi biex tappella lill-membri parlamentari kollha biex jisimgħu t-talba tagħha u tinfetaħ inkjesta pubblika – talba li qed issir b’mod formali permezz tal-mozzjoni li ressaq il-PN, u li l-vot fuqha se jittieħed l-Erbgħa filgħaxija fil-parlament.
Isabelle Bonnici qed tinsisti li l-gvern qatt ma ħa azzjoni; anzi qed jibqa’ jirreżisti t-talba tagħha, tal-ħbieb ta’ Jean Paul Sofia kif ukoll tal-eluf ta’ persuni li ffirmaw il-petizzjoni.
Hija tittama li b’dan ix-xogħol kollu, il-karba tagħha tinstema u l-Erbgħa l-membri parlamentari kollha jivvutaw favur inkjesta pubblika.
Il-Partit Nazzjonalista ilu għal diversi xhur jimbotta l-kawża ta’ Isabelle biex tinfetaħ inkjesta pubblika iżda kollox se jkun determinat bil-vot li se jittieħed l-Erbgħa filgħaxija fil-parlament bit-tama li finalment toħroġ il-verità kollha dwar x’wassal għal mewt ta’ dan iż-żagħżugħ.
//= $special ?>