Lokali

Mewġa ta’ sħana se tolqot il-gżejjer Maltin fi tmiem il-ġimgħa

Jekk għadek m’għumtx mill-bidu tas-sajf s’issa, it-temperaturi ta’ tmiem il-ġimgħa żgur se jħajruk taqbeż qabża fil-baħar.

Infatti, prepara ruħek – għaliex fi tmiem il-ġimgħa, it-temperaturi mistennija li jlaħħqu viċin l-40 grad celcius.

L-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li s-Sibt li ġej it-temperatura kapaċi tlaħħaq is-37°C filwaqt li tinħass 39°C. Iżda l-għola temperatura se tkun qed tinħass bejn il-Ħadd u t-Tnejn hekk kif it-temperatura se tkun 38°C u tinħass 40°C.

Bħal dejjem, wieħed qed ikun imħeġġeġ biex jevita illi joqgħodu espost fis-sigħat li fihom ix-xemx tkun fl-eqqel tagħha. Dan apparti li għandhom jintużaw dejjem kremi protettivi; anke għal dawk il-ħaddiema li f’dawn il-jiem ikunu qed jaħdmu fuq barra.

Apparti f’Malta, pajjiżi oħra fl-Ewropa wkoll qed jesperjenzaw mewġa ta’ sħana.

Fost dawn hemm l-Italja li tinsab qrib rekord Ewropew għall-għola temperaturi matul dan iż-żmien. Dan  qed jiġi ikkawżat minn ċiklun ta’ pressjoni għolja bl-isem ta’ Cerberus li qed iwassal biex it-temperaturi jaqbżu l-40°C.

Il-gżejjer ta’ Sqallija u Serdegna qed ibassru li t-temperaturi se jlaħqu t-48°C. Dan wara li – ironikament – fil-bidu tas-sajf, l-Italja esperjenzat maltemp qawwi; tant li ntlaqtet minn maltempata tas-silġ.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar id-dinja laħqet rekord tal-għola temperaturi li qatt ġew irreġistrati fl-aħħar snin.