Raġel inżamm taħt arrest preventiv nhar it-Tlieta wara li wieġeb mhux ħati li pprova jistupra lis-sieħba tiegħu. Il-ħaddiem fil-kostruzzjoni ta’ 37 sena, li ismu ġie pprojbit mill-qorti biex jiġu protetti t-tfal minuri tal-koppja tressaq taħt arrest quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Hu kien mixli b’attentat ta’ stupru, atti sesswali mhux kunsenswali mas-sieħba tiegħu, li żammha kontra r-rieda tagħha, li ssuġġettaha għal atti ta’ konnotazzjoni sesswali, li kkawżalha ħsara u anke biża’ ta’ vjolenza.
L-imputat allegatament qatta’ il-ħwejjeġ tal-mara u pprova jifgaha minbarra li pprova jistupraha. Il-mara iżda rreżistiet. It-tfal minuri tal-koppja kienu d-dar dak il-ħin. Huwa mifhum li r-relazzjoni bejn l-koppja mhijiex waħda feliċi u r-raġel ma jistax jaċċetta r-realtà.
L-avukati tiegħu talbu l-ħelsien mill-arrest filwaqt li rrimarkaw li r-raġel qatt ma wettaq reat fil-passat. Barra minn hekk, kellu bżonn jaħdem biex ikun jista’ jmantni lit-tliet itfal tiegħu. Madankollu, l-avukat tal-AĠ Cynthia Tomasuolo oġġezzjonat billi qalet li l-proċeduri kienu għadhom fi stadju bikri ħafna.
L-avukat enfasizzat wkoll in-natura tar-reati li allegatament saru fil-preżenza tat-tfal. Kien hemm ir-riskju ta’ tbagħbis ta’ evidenza u biża li jikkommetti reat ieħor fil-futur jekk l-akkużat jingħata l-libertà proviżorja.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-qorti ppreseduta mill-maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba minħabba l-gravità tal-akkużi u l-istadju bikri ħafna tal-proċeduri. Il-vittma u l-minuri wkoll kienu għadhom jixhdu.
Il-Qorti qalet ukoll li hemm potenzjal għoli ta’ tbagħbis tal-evidenza u minħabba l-piena sostanzjali li jiffaċċja jekk jinstab ħati, kien hemm riskju akbar li jaħrab. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba għal ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u l-familja kollha tagħha.
L-avukati Dominic Vella u Etienne Borg Ferranti kienu avukati difensuri. L-Avukat Marita Pace Dimech dehret parte civile għan-nom tal-allegata vittma.