L-ex Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li hu emmen lill-ex Ministru Konrad Mizzi u lill-ex Chief of Staff tiegħu Keith Schembri dwar ir-raġunijiet wara l-ftuħ tal-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-Panama.
Joseph Muscat llum reġa’ deher quddiem il-PAC biex ikompli jixhed dwar il-kuntratti tal-power station tal-Electrogas.
Il-kumitat tmexxa mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Graham Bencini u l-Whip Robert Cutajar. Il-gvern kien rappreżentat mill-Whip Laburista Andy Ellul, mill-Ministru Clayton Bartolo u mid-deputati Laburisti Glenn Bedingfield u Alex Muscat.
L-ex Prim Ministru Joseph Muscat kien assistit mill-Assistent Personali tiegħu Mark Farrugia.

Dwar il-kwalifiċi tal-ex Ministru Laburista Konrad Mizzi fl-enerġija biex ingħażel li jmexxi l-proġett tal-power station, Joseph Muscat qal li din il-mistoqsija taqa’ ‘l barra mill-iskrutinju tal-PAC.
Hu qal li Konrad Mizzi kien konsulent f’Londra, kellu riferenzi tajbin ħafna mis-settur u kien ħadem fis-settur tal-enerġija u sostna li l-esperjenza ta’ Konrad Mizzi tagħmlu wieħed mill-iktar persuni kompetenti. Joseph Muscat qal li ma jistax jiżvela dawn ir-riferenzi iżda Mizzi kien impjegat ta’ wieħed mill-big four.
Mistoqsi dwar Lara Boffa li bħala direttur tal-Enemalta, vvutat kontra dan il-proġett, Muscat qal li qatt ma kien tkellem magħha dwar il-vot magħha għalkemm jafha soċjalment.

Dwar meta sar jaf min kienu s-sidien tal-Electrogas, Muscat qal li sar jaf meta l-offerta ħarġet fil-pubbliku u sostna li hu qatt ma ltaqa’ mas-sidien tal-Electrogas. Joseph Muscat qal li dawn huma mistoqsijiet li skont hu huma ‘l barra mill-kompitu tal-PAC.
Joseph Muscat qal li ltaqa’ mal-Electrogas wara li ngħatat l-offerta u sostna li ma daħalx fil-fatt li Gasol ħarġet mill-proġett. “Ma dħalt fl-ebda ħin”, sostna l-ex Prim Ministru, li sostna li sar jaf b’dawn l-affarijiet wara li dawn saru pubbliċi. Hu sostna li l-kwistjoni tal-Gasol qatt ma telgħet quddiem il-kabinet.
L-ex Prim Ministru Muscat sostna li l-parir li kellha l-Enemalta u l-gvern ma jaqbilx mal-konklużjoni tal-Awditur Ġenerali li kien hemm ksur tal-proċeduri tal-offerta. Hu qal li kien informat dwar dan mill-ex ministru Konrad Mizzi.
Jospeh Muscat qal li ma kienx staqsa dwar il-bidla minn success fee għal development fee minn fondi pubbliċi li kien semma’ Yorgen Fenech. Hu qal li dawk ma kinux fondi pubbliċi iżda tal-konsorzju privat.
Mistoqsi dwar il-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama, Joseph Muscat qal li dawn kienu allegazzjonijiet sekondarji għaliex l-allegazzjoni ewlenija kienet li ħa flus mill-Ażerbaġjan, li Egrant kienet tiegħu li kien hemm struttra biex hu jdaħħal il-flus. “Għalija biss nista’ naħlef”, sostna Muscat, li kompla li l-assunzjoni kienet li l-allegazzjonijiet fuqu ma kinux minnhom allura anki l-oħrajn kienu foloz. Hu qal li hu kien refa’ r-responsabbiltà għax irriżenja u sostna li meta jkun fit-tajjeb ftit ikun hemm approvazzjoni u meta kien fil-ħazin, politiku jkollu jirriżenja.

Jien kelli nirriżenja, sostna Muscat, li qal li kien tkellem ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri dwar il-kumpaniji fil-Panama li tawh ir-raġunijiet wara l-ftuħ ta’ dawn il-kumpaniji sigrieti
Joseph Muscat qal li dak kollu li kellu jgħid qalu fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-ex Prim Ministru ma weġibx dwar x’għamel meta sar jaf li l-kumpaniji ta’ Keith Schembri u Konard Mizzi nfetħu fl-istess perjodu.
Muscat kien mistoqsi: Lil Keith Schembri u Konrad Mizzi staqsejthom kif kienu se jirċievu €2 miljuni fil-Panama? L-ex Prim Ministru wieġeb: Huma wieġbu li dawn (il-kumpaniji sigrieti fil-Panama) kienu affarijiet konnessi man-negozju privati tagħhom.
Muri dokument ta’ Mossack Fonseca dwar Tillgate li fih intqal li l-kumpanija se topera immedjatament fl-2013, Muscat qal li kien ra dan id-dokument iżda kien qagħad fuq il-kelma ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.
L-assunzjoni tiegħi kienet li huma mhux se jieħdu flus għax jien ma kontx se nieħu flus, sostna Joseph Muscat. Dwar l-għażla tal-Panama għall-kumpaniji sigrieti, Muscat qal li hu jemmen ir-raġunijiet li Keith Schembri u Konrad Mizzi tawh u li tagħha refa’ r-responsabbiltà. Hu qal li qatt ma kellu ħsieb u qatt ma rċieva flus mingħand ħadd; fuq l-ebda proġett.
L-ex Prim Ministru Muscat xehed li fl-aħħar mill-aħħar spiċċajt irriżenjajt fuq l-assunzjoni li kien għamel f’dawk iċ-ċirkostanzi. Muri d-dokumenti tal-Panama Papers li juru li Konard Mizzi u Keith Schembri kienu qed jinnegozjaw ma’ wieħed mid-diretturi tal-Electrogas u jdaħħlu €2 miljuni, Muscat qal li l-bozza xegħlitlu meta l-Enemalta kienet qed titlef il-flus u sostna hu refa’ r-responsabbiltà politika, neħħa lil Konrad Mizzi u għamel elezzjoni ġenerali.

L-ex Prim Ministru Muscat qal li wara dan kollu Konrad Mizzi tħalla jmexxi l-proġett għalkemm issa kollox kien taħt it-tmexxija tiegħu bħala Prim Ministru. “Konrad Mizzi kien l-aħjar persuna biex imexxi proġett delikat bħal dan” għax hu kien l-aħjar perusna fil-pajjiż fil-public private partnership sostna Muscat.
Muri dokumenti tal-2016 u mistoqsi kif ma keċċiex lil Keith Schembri u Konrad Mizzi iżda stenna tliet snin u nofs biex dawn tneħħew, Muscat qal li kien hemm karta nieqsa bil-firem foloz tal-kumpanija Egrant. “Jien ma nissemma’ u m’jien qiegħed imkien”, sostna Joseph Muscat, li kompla li lil Keith Schembri żammu fil-post bħala Chief of Staff għaliex ħass li kien qed jgħidlu l-verità.
Joseph Muscat xehed li kien ħass li kellu bżonn iżomm lil Keith Schembri u kompla li kien sar jaf lil Yorgen Fenech fl-2009 meta ltaqa’ flimkien ma’ missieru li kienu mħassba dwar l-investiment tagħhom fl-Arriva. L-ex Prim Ministru qal li kellu relazzjoni ta’ ħbiberija ma’ Yorgen Fenech u sostna li sar jaf li 17 Black kienet ta’ Fenech meta din l-informazzjoni saret pubblika. Qatt ma tkellimt ma’ Yorgen Fenech dwar 17 Black u dwar rivelazzjonijiet fuq l-Eectrogas, xehed Muscat,
Muscat qal li l-Viċi-President ta’ AC Milan u ta’ Rothschild Bank Paolo Scaroni kien iltaqa’ miegħu u wera interess fl-Electrogas u hu kien introduċieh ma’ Yorgen Fenech. Hu qal li ma jafx jekk dan sarx wara li nħarġu l-akkużi fuq Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Darren Carabott qal li l-PAC għandu jiltaqa’ nhar it-Tlieta li ġej iżda l-membri tal-gvern oġġezzjonaw għal dan. Jospeh Muscat qal li għandu impenjati fit-tul f’Lulju u f’Awwissu għalkemm hu dispost li jiltaqa’ meta jissejjaħ. Il-kumitat hu aġġornat għat-Tlieta 25 ta’ Lulju 2023 fis-2. pm.
//= $special ?>