Sport Waterpolo

San Ġiljan jagħtu twissija lil Neptunes b’rebħa komda fuq Sliema

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Stewart Said

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…… 16

SLIEMA FRANK SALT…………….. 9

(3-2), (1-1), (9-3), (3-3)

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, A. Galea, B. Plumpton (5), M. Jokovic (5), M. Zammit (3), J. Bonavia (1), A. Younger (2), J. Abela, N. Zammit, D. Zammit, R. Caruana, G. Bonavia, K. Calleja

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea, J. Gambin, Z. Mizzi, B. Cachia (1), J. Cutajar (2), M. Mifsud, J. Brownrigg, D. Kholod (4), A. Prlainovic, D. Zammit (1), A. Bugeja, E. Schembri (1)

Referees: Ronnie Spiteri, Alessio Nicolai

Tkompli l-mixja ta’ San Ġiljan JP Projects b’rebħa oħra din id-darba b’konfront dirett kontra Sliema Frank Salt. Din ir-rebħa waslet biss erbat ijiem qabel id-dwell kontra Neptunes, meqjusa bħala l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat.

San Ġiljan kellhom jirkupraw minn bidu kajman wara li ż-żagħżugħ Jayden Cutajar skorja doppjetta kmieni fil-logħba. Ben Plumpton naqqas id-distakk, Maro Jokovic ġab id-draw, bl-istess plejer ipoġġihom minn fuq minn man-up. Il-Kroat għamilhom 4-2 fit-tieni sessjoni, b’Dmitrii Kholod inaqqas id-distakk.

Wara li San Ġiljan għamluhom 6-3 fit-tielet sessjoni, Sliema rnexxielhom inaqqsu d-distakk darbtejn għal żewġ gowls. Madankollu, San Ġiljan bħal donnu fferoċjaw u skorjaw xejn anqas minn sitt gowls fi ftit aktar minn nofs sessjoni, b’Matthew Zammit jiskorja nofshom.

B’distakk ta’ 13-6, il-partita kienet mirbuħa u mitlufa. Sliema kellhom opportunità li jidħlu fil-logħba meta tkeċċa għal brutalità Darren Zammit u ħalla lit-tim bi plejer anqas għal erba’ minuti. Madankollu Sliema ma ħadux vantaġġ u naqqsu biss id-distakk b’gowl, b’Plumpton jiskorja doppjetta f’dan il-perjodu filwaqt li reġa’ skorja u ssiġilla r-rebħa meta rritornaw b’ammont ta’ plejers indaqs.

NEPTUNES VIDEOSLOTS….. 17

MARSASKALA ESC……………. 10

(3-2), (3-2), (6-3), (5-3)

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), S. Gialanze, G. Pace, M. Castillo (1), J. Bajada (1), S. Camilleri (4), J. Camilleri (1), A. Ivovic (2), F. Filipovic (5), A. Fenech (1), E. Mallia, M. Rossi, D. Bugeja, B. Lewis

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, G. Galea, P. Privitera (1), R. Greco (1), F. Salamon (1), K. Navarro, D. Tully, D. Pace Lupi (3), G. Sammut (1), J. Ciantar, M. Carani (1), A. Muscat, T. Sedlmayerm (2), J. Pace Mizzi

Referees: Richard Magri, Danilo Mazzoccoli

Neptunes Videoslots komplew is-serje pożittiva tagħhom b’rebħa komda kontra Marsaskala ESC. Din id-darba kien Filip Filipovic li skorja bħala l-aqwa skorer tat-tim tiegħu, b’Marsaskala jżommu biss mal-avversarji sa nofs il-logħba.

L-ewwel darba li Neptunes marru fil-vantaġġ kien lejn tmiem l-ewwel sessjoni b’gowl ta’ Jake Muscat li għamilhom 3-2. Neptunes qatt ma tilfu l-vantaġġ u bdew jikkonsolidawh ftit ftit għalkemm wara li Filipovic għamilhom 6-3, Raoul Greco naqqas id-distakk. Sfortunatament għal Marsaskala, fl-aħħar mumenti tat-tieni sessjoni, il-gowlkiper Jurgen Micallef kien kostrett jinbidel minħabba li weġġa’.

Neptunes ħadu l-opportunità biex aċċertaw mir-rebħa b’ħames gowls konsekuttivi skorjati minn Filipovic, Aleksandar Ivovic u l-aħwa Stevie u Jordan Camilleri.

Il-kowċ Dorian Pisani kellu ċ-ċans li jagħmel is-solitu rotazzjoni f’logħbiet bħal dawn, b’Marsaskala jkollhom l-opportunità biex inaqqsu d-distakk lejn tmiem iż-żewġ sessjonijiet. Tul l-aħħar sessjoni, straħu għal mumenti kemm Filipovic kif ukoll Ivovic.

OTTERS NIVEA…………. 12

EXILES WELBEE’S……. 13

(3-5), (5-2), (2-1), (2-5)

Otters: M. Xerri, M. Bonnici, K. Scicluna, M. Meli (2), M. Jelaca (3), I. Azzopardi, L. Dimech, J. Saric (4), M. Farrugia (1), A. Dimech (1), M. Grech, K. Micallef, A. Bianchi (1)

Exiles: F. Buhagiar, Z. Cutajar Licari, Z. Micallef, V. Gallo (4), G. Molina (3), S. Xerri de Caro (2), M. Fenech, K. Griscti (2), N. Paris, M. Martellacci (1), M. Aquilina (1), N. Saliba, M. Paris Roding, L. Pursehouse

Referees: Stefan Licari, Alessio Nicolai

F’dik li setgħet kienet ġurnata negattiva għal Exiles, spiċċat biex issarrfet f’rebħa importanti grazzi għal tripletta ta’ Guillermo Molina lejn it-tmiem. Exiles li kienu mingħajr il-gowlkiper regolari Matthew Castillo, kienu minn taħt għal ħafna mil-logħba.

Huma kellhom bidu tajjeb u l-ewwel bnew vantaġġ ta’ tliet gowls u wara li Jovan Saric naqqas id-distakk, Exiles kabbru l-vantaġġ għal 5-1. Dan sakemm Andrea Bianchi u Mark Meli naqqsu d-distakk għal żewġ gowls.

Exiles reġgħu kabbru l-vantaġġ għal erba’ gowls iżda hawn bdiet ir-rimonta ta’ Otters. It-tim Għawdxi skorja ħames gowls konsekuttivi sa tmiem it-tieni sessjoni u mar 8-7 minn fuq. Il-vantaġġ kiber għal 10-7 sakemm Valentino Gallo naqqas id-distakk.

Sa nofs l-aħħar sessjoni, Otters kien għad kellhom vantaġġ ta’ 12-10. Minn hemm bdiet ir-rimonta ta’ Exiles li permezz ta’ Molina skorjaw tliet darbiet, bl-aħħar gowl jasal erba’ sekondi u nofs mit-tmiem.