Lokali

WARA LI WAQGĦET FIL-PJAZZA: “Ħajjet ommi spiċċat”

“Ħajjet ommi inbidlet mil-lejl għan-nhar u lanqas biss nafu jekk hux se terġa’ timxi bil-ġrieħi li ġarrbet wara li waqgħet fil-Pjazza tal-Mosta.”

Dan qalu t-tifel ta’ anzjana li fl-1 ta’ Lulju li għadda waqt li kienet għaddejja bil-qadi tagħha ta’ kuljum waqgħet fil-Pjazza tal-Mosta – fejn ix-xogħolijiet ilhom għaddejjin għal diversi xhur, b’periklu kbir għal dawk li jkunu mexjin fiż-żona.

F’intervista ma’ Net News dan ir-raġel spjega kif kaġun ta’ din il-waqa’ ommu spiċċat kisret iż-żewġ saqajn. Huwa qal li jinsab ferm diżappuntat li l-awtoritajiet ma ħadu l-ebda azzjoni wara li kull ġurnata qed jagħqu 2 jew 3 anzjani; b’uħud minnhom ikollhom bżonn aktar kura minħabba l-ġrieħi li jġarrbu.

Barra minn hekk, għadhom ma jafux jekk ommu hux se terġa’ timxi … għaliex għandha xi ġrieħi li huma aktar serji minn oħrajn. Allura, dan ifisser li din l-anzjana għandha ċans li tqatta’ l-kumplament ta’ ħajjitha f’siġġu tar-roti u tkun dipendenti fuq ħaddieħor.

Huwa saħaq li lest jieħu passi oħra sabiex jingħataw kumpens għal dak li għaddejjin minnu.

Jidher ukoll illi dan ir-raġel spiċċa mhedded wara li tefa posts fuq il-midja soċjali sabiex l-awtoritajiet jieħdu azzjoni b’mod immedjata ħalli ma jweġġgħux aktar anzjani. Hawnhekk, huwa saħaq li pajjiżna spiċċa f’sitwazzjoni tal-biki fejn persuna lanqas biss tista’ ssemma’ leħinha.

L-appell ta’ dan ir-raġel flimkien ma’ diversi nies oħra huwa wieħed ċar sabiex l-awtoritajiet jagħmlu l-affarijiet bi pjan filwaqt li jassiguraw li z-zona mhix ta’ periklu għar-residenti kif ukoll għal dawk kollha li jmorru fiz-zona fejn qed isiru x-xogħolijiet.