Lokali

“B’għaqda nazzjonali nistgħu nsarrfu l-ħidma politika favur il-verità u l-ġustizzja” – Bernard Grech

Illejla jittieħed il-vot fuq il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia

“Illejla kull rappreżentant fil-Parlament għandu għażla. Għandu għażla jekk jagħżilx sabiex jivvota favur il-ferità, favur il-ġustizzja u l-ġid taż-żgħir jew jivvotax biex joħnoq il-verità u jipproteġi l-kbir. Għalhekk l-appell tiegħi huwa ċar. Ejjew flimkien ningħaqdu f’għaqda nazzjonali sabiex insarrfu l-ħidma politika favur il-verità, il-ġustizzja u favur it-tfal ta’ dan il-poplu li jmorru għax-xogħol għaliex għandhom id-dritt li jmorru lura d-dar qawwija u sħaħ.”

Dan qalu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq Net Television ftit tal-minuti ilu, hekk kif ftit sigħat oħra fil-Parlament ser jittieħed vot storiku li jiddetermina jekk tinħatarx inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li tilef ħajtu madwar seba’ xhur ilu fuq il-post tax-xogħol wara li ġġarfet binja ta’ kostruzzjoni f’Kordin fi ftit sekondi.

Bernard Grech insista li minkejja omm Jean Paul Sofia għamlet talbiet imqanqla quddiem il-Parlament u kelmet lill kull deputat fl-aħħar xhur dwar l-importanza li tinfetaħ inkjesta pubblika, in-naħa tal-Gvern immexxi minn Robert Abela baqa’ jimpika u jistina rasu.

“Dak li se nivvotaw aħna bħala Grupp Parlamentari Nazzjonalista huwa ċar; aħna se nagħtu vot b’saħħtu wieħed u ċar favur il-verità favur il-ġustizzja biex Jean Paul Sofia ma jkunx miet għalxejn. Biex nitgħallmu permezz ta’ inkjesta pubblika il-verità kollha – mhux biss x’sar ħażin imma x’ma għadniex nagħmlu aktar. X’nuqqassijiet għamlu l-amministrazzjoni tal-pajjiż u l-awtoritajiet biex lebda persuna oħra ma titlifx ħajjitha fuq il-post tax-xogħol,” tenna l-Kap tal-PN Bernard Grech

“Dan hu l-aħħar appell tiegħi qabel jittieħed il-vot illejla fil-parlament. Ibqgħu għamlu l-pressjoni fuq id-deputati kollha fuq in-naħa tal-gvern. Filwaqt li jien nagħmel appell ġenwin għal għaqda nazzjonali, biex il-Prim Ministru ma jibqax iwebbes rasu u flimkien mal-grupp parlamentari tan-naħa tal-Gvern jivvotaw magħna għal inkjesta pubblika, ” sostna Bernard Grech.

Wara l-appelli kollha li saru, issa kollox se jkun determinat bil-vot fil-parlament li se jsir illejla bit-tama li sseħħ il-ġustizzja.

“B’għaqda nazzjonali nistgħu nsarrfu l-ħidma politika favur il-verità, il-ġustizzja u favur it-tfal ta’ dan il-poplu li jmorru għax-xogħol u għandhom id-dritt li jmorru lura d-dar qawwija u sħaħ,” sostna l-Kap tal-PN Bernard Grech.