Lokali

Bħal Robert Abela… Angelo Gafa jinħeba wara l-inkjesta maġisterjali

Bħall-Prim Ministru Robert Abela, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa spiċċa jinħeba wara l-inkjesta maġisterjali li għaddejja bħalissa dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia. Seba’ xhur wara li seħħet din it-traġedja, il-pulizija għadha ma resqet lil ħadd b’rabta mal-inċident li wasal għall-mewt ta’ dan iż-żagħżugħ.

L-Erbgħa filgħodu… wara ħafna ġimgħat ma jidher kważi imkien… Net News ikkonfronta lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa dwar numru ta’ każijiet pendenti li dwarhom il-Korp għadu ma ħa ebda azzjoni… fosthom il-każ traġiku ta’ Jean Paul Sofia.

Angelo Gafa reġa’ sostali l-Korp tal-Pulizija jrid jistenna li tiġi konkluża l-inkjesta maġisterjali qabel ikun jista’ jieħu azzjoni – xi ħaġa li ma saritx fil-każ ta’ Miriam Pace li wkoll kienet sfat vittma f’sit ta’ kostruzzjoni f’Santa Venera, meta spiċċat intrademet taħt it-terrapien ta’ darha stess.

Dakinhar, l-għada eżatt tat-traġedja, mal-ewwel kienu tressqu erba’ persuni l-Qorti. Dan meta l-Inkjesta tal-Maġistrat kienet għadha mhix konkluża.

Intant, NET News staqsa lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa anke dwar id-denunzja li ressaq il-Partit Nazzjonalista iktar minn 60 jum ilu, fejn il-Kap tal-PN Bernard Grech flimkien mad-deputat Nazzjonalista Adrian Delia kienu talbu lill-Kummissarju jinvestiga numru ta’ nies li kienu involuti fid-deal skandaluż ma’ Vitals u Steward. Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa reġa’ tefa’ r-responsabbiltà fuq il-qrati.

Ikkonfrontat bil-mistoqsijiet ta’ Net News dwar il-fatt li fl-aħħar ġimgħat kien assenti kompletament mill-media u mill-iskrutinju tal-ġurnalisti… Gafa qal biss li b’mod regolari ikun tiela’ u niżel Strada Rjali.