Lokali Parlament

Gvern insensittiv; jivvota kontra inkjesta pubblika dwar Jean Paul Sofia

Il-Gvern Laburista tal-Prim Ministru Robert Abela llum ivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex issir inkjesta pubblika dwar il-mewt traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia f’Kordin fit-3 ta’ Diċembru 2022.

Dan il-vot ittieħed fis-seduta tal-lum u għalaq il-possibbiltà li, f’dan l-istadju, il-gvern Laburista tal-Prim Ministru Robert Abela jisma’ l-appell ta’ omm Jean Paul Sofia u l-familja tiegħu biex issir l-inkjesta pubblika biex tkun stabbilità l-verità kollha dwar x’wssal biex il-binja f’Kordin iġġarrfet.

L-ewwel li tressqet kienet kontro-emenda mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għal emenda tal-gvern għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Hu qal li kien mitlub mill-familja ta’ Jean Paul Sofia li jippreżenta dokument li juri li l-petizzjoni għal inkjesta pubblika ġabret kważi 20,000 firma.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar ddikjara li l-vot tat-tliet deputati Nazzjonalisti Chris Said, Ivan J Bartolo u Graham Bencini li ma setgħux jattendu se jkun ikkunsidrat ma’ dak tal-Oppożizzjoni.

Fil-votazzjoni finali kienet 40 deputat Laburista kontra inkjesta pubblika u 32 deputat Nazzjonalista favur inkjesta pubblika. Dan il-vot ġab reazzjoni fil-parlament u anki fl-istrangers gallery tant li l-Ispeaker Anġlu Farrugia issospenda l-Kamra.

Hekk kif ittieħed il-vot, familjari ta’ Jean Paul Sofia, inkluż ommu, għaddew rimarki iebsa lill-Prim Ministru u lid-deputati tal-Gvern fejn sostnew li d-deputati għandhom idejhom imċappsa bid-demm ta’ Jean Paul, li mhux se jkollhom kuxjenza ħielsa, li jmisshom jistħu, li m’humiex jisimgħu lill-poplu u li ma ridux inkjesta pubblika għax se tikxef dnubiet il-gvern. “Ħadd ma tana risposta għaliex ma tridux inkjesta pubblika”, sostniet omm Jean Paul Sofia. Familjari ta’ Jean Paul inidirzza lill-Prim Ministru għall-fatt li kien il-ħin kollu jilgħab bil-mobile. Huma kienu eskortati ‘l barra mill-istrangers gallery minn ħaddiema tal-parlament fuq ordni tal-Ispeaker.

Il-ġurnata tal-lum kienet karatterizzata minn appelli kemm mill-Kap tal-PN Bernard Gerch kif ukoll minn omma Jean Paul Sofia lid-deputati Laburisti biex jivvotaw favur inkjesta pubblika.

Fil-ħin qabel ittieħed il-vot fil-parlament, omm Jean Paul Sofia reġgħet marret quddiem il-parlament tagħmel l-aħħar appelli tagħha u pprovat anki ddaħħal ritratt ta’ binha fil-bini tal-parlament iżda kienet miżmuma milli tagħmel dan mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Kienet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li nhar il-Ħamis li għadda ressqet mozzjoni fil-parlament biex il-gvern Laburista jagħmel inkjesta pubblika u ma jibqax biss marbut ma’ inkjesta maġisterjali. Fi tmiem id-dibattitu fuq il-mozzjoni ta’ nhar il-Ħamis, il-gvern oppona li jittieħed il-vot u ttrasferixxa dan il-vot għas-seduta tal-lum.

Il-pożizzjoni tal-Gvern Laburista kienet waħda iebsa mill-ewwel u l-prim ministru ma wera l-ebda sinjal pożittiv li kien se jisma’ l-appelli għal inkjesta pubblika.

Minbarra din il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, marret darbtejn quddiem il-parlament u għamlet appelli personali kemm lill-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll lid-deptuati Laburisti kollha meta dawn kienu deħlin il-parlament.

Kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll numru ta’ deputati Laburisti spiċċaw jikkonfrontaw l-argumenti ta’ omm Jean Paul Sofia u sostnew magħha li ma kellhiex raġun titlob inkjesta pubblika. Omm Jean Paul Sofia marret anki fl-istrangers gallery fil-parlament issegwi d-dibattitu parlamentari ta’ nhar il-Ħamis li għadda.

Dan il-każ kien trattat ukoll fl-opinjoni pubblika fejn petizzjoni li nġabret biex issir inkjesta pubblika sabet l-appoġġ ta’ aktar minn 20,000 ċittadin li lkoll appellew lill-Prim Ministru biex jagħmel inkjesta pubblika.

Fi tmiem il-voti li l-parlament ħa, il-gvern ħabbar li kien aġġorna l-parlament għat-2 ta’ Ottubru 2023, għall-btajjel tas-sajf.