Lokali Parlament

Il-gvern qata’ qalbu li jsolvi l-problemi ewlenin tal-pajjiż

Jerome Caruana Cilia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal fil-parlament li l-gvern qata’ qalbu li jsolvi l-problemi ewlenin tal-pajjiż.

Jerome Caruana Cilia qal li l-Ministru Caruana kien qal li sal-2040, Malta se jkollha popolazzjoni ta’ 800,000 persuna. Hu sostna li l-gvern Laburista injora lill-Oppożizzjoni li wissiet fuq in-nuqqas ta’ viżjoni u ppjanar tal-gvern.

Id-deputat Nazzjonalsta qal li l-poplu nħasdu u rrabbjaw tant li l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ekonomija pprovaw ixejnu dak li qal l-Ministru Clyde Caruana. Dawn ma jaqbux fuq waħda mill-ikbar problemi li għandu dan il-pajjiż.

Jerome Caruana Cilia qal li l-Ministru Caruana ammetta li l-politika tal-Gvern Laburista ma tħarisx lejn il-futur. Xhur ilu, Clyde Carana ammetta li l-politika ekonomika tal-gvern falliet meta ammetta li l-iżvilupp ekonomiku jrid jinbidel.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-mudell ekonomiku bbażat fuq iż-żieda tal-popolazzjoni jrid jinbdiel, kif ammetta l-Ministru tal-Finanzi. Hu sostna li l-ħaddiema qed jistennew lill-gvern jgħid x’niċeċ ekonomiċi ġodda se jinħolqu. X’viżjoni se joħloq il-gvern għaż-żgħażagħ Maltin?

Il-politika tal-gvern ma tindirizzax il-kwalità tal-ħajja tan-nies, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-gvern qata’ qalbu li jsolvi l-problemi ewlenin li qed jiffaċċja l-poplu Malti. Jerome Caruana Cilia appella gall-għaqda nazzjonali biex il-pajjiż joffri tama ta’ viżjoni biex jitkattar il-ġid.