L-ogħla awtoritajiet tal-Korea t’Isfel iltaqgħu b’urġenza biex jiddiskutu l-kriżi mill-ġar komunista wara li l-Korea ta’ Fuq sparat suspettata missila ballistika interkontinentali, f’azzjoni meqjusa bħala ‘provokazzjoni sfaċċata’.
Il-missila għal fuq id-distanzi twal damet fl-ajru għal siegħa qabel niżlet fl-ibħra ftit ‘il hinn miz-zona marittima tal-Ġappun. Dan ukoll meta jidher li r-reġim komunista fi Pyongyang se jkompli bil-litanija ta’ theddid kontra l-Istati Uniti u l-pajjiżi Asjatiċi alleati ma’ Washington.
Intant, dawn il-missili, jew ICBMs, huma lok għal inkwiet kbir minħabba l-kapaċità tagħhom biex itiru għal distanzi ‘straordinarji’.
Qabel il-prova tal-missila, il-Korea ta’ Fuq qalet li kellha tirritalja għal allegati inkursjonijiet fl-ispazju tal-ajru tagħha mill-ajruplani tal-Istati Uniti li jintużaw għal missjonijiet ta’ sorveljanza. Dan waqt li l-Amerikani qed jiċħdu li kellhom il-ħsieb li jispjunaw fuq il-Korea ta’ Fuq b’dan il-mod fost l-istqarrijiet li dawn it-tipi ta’ patrols militari huma konformi mal-liġi internazzjonali.
Il-penisola Koreana ilha x-xhur għaddejja minn tensjoni kbira meta l-Korea komunista mhix iżżomm lura mill-provi għall-armamenti ġodda. Dan il-pajjiż, fl-2022, kien wettaq numru rekord ta’ provi għall-missili – inklużi tat-tip li kapaċi jwasslu sat-territorji tal-Istati Uniti – u bl-Amerikani u l-Korea t’Isfel iżidu l-eżerċizzji militari konġunti fil-madwar tal-penisola.
L-aħħar missila (ICBM) sparata mill-Korea ta’ Fuq irreġistrat mal-ewwel fuq ir-radar tal-gwardjani tal-kosta Ġappuniżi qabel spiċċat fil-baħar lejn il-Punent tal-Ġappun u wara li kienet taret għal distanza ta’ xi 1,000 kilometru.
Dritt wara, l-uffiċjali tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel iltaqgħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni waqt li ħarġu stqarrija biex jenfasizzaw ‘it-tisħiħ tad-difiża fir-reġjun minn aspett reċiproku’.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Korea t’Isfel, Yoon Suk-yeol, mexxa laqgħa ta’ emerġenza għall-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali (ibbażat f’Seoul) permezz ta’ videolink mil-Litwanja fejn kien qed jattendi għas-summit tan-NATO.
//= $special ?>

