Carm Mifsud Bonnici, PN
Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li l-PN jaqbel li l-pajjiż ikollu żona ekonomika esklussiva għaliex din toffri diversi opportunitajiet.
Fid-dibattitu parlamentari dwar il-ħolqien ta’ żona ekonoika esklussiva fuq il-baħar, Carm Mifsud Bonnici qal li l-pajjiż qed jieħu pass storiku fid-deċiżjoni dwar iż-żona ekonomika esklussiva u sostna li dan hu trijonf fil-politika barranija għaliex il-pajjiż jinsab f’sitwazzjoni għaliex jista’ jgħaddi dawn il-liġijiet bla ma jurta pajjiżi oħra.
Dan hu wkoll trijonf fil-Liġi tal-Baħar, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li fil-kostituzzjoni tal-Indipendenza fl-1964 kien stipulat li Malta tista’ tasal fil-pożizzjoni li tinsab fiha llum. Dan hu pass politiku u affermazzjoni tal-indipendenza ta’ Malta, qal id-deputat Nazzjonalista, li kompla li kien Gvern nazzjonalista li żamm il-kobor taż-żona ta’ tfittix u sigurtà tal-pajjiż.
Carm Mifsud Bonnici kompla li l-baħar madwar Malta hu fost l-aktar nadif u sostna li kien l-għaqal politiku ta’ gvern Nazzjonalista li għamel attenzjoni kbira propju fuq dan l-aspett.
Dan anki fil-kuntest tal-ammont kbir ta’ vapuri li jgħaddi fil-baħar bejn Malta u Sqallija, anki minħabba l-immigrazzjoni rregolari. Hu tkellem dwar l-effetti ta’ tniġġiż ambjentali u għalhekk iż-żona ekonomika esklussiva għandha rwol importanti ħafna fil-kuntest ambjentali.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ambjent hu parti mill-identità nazzjonali tal-pajjiż u tkellem fuq l-importanza li tkun protetta ż-żona Maltija. Hu tratta l-importanza li tkun miġġielda t-traffikar tal-armi, tad-droga, taż-żejt u tal-immigranti u appella biex isiru iktar miżuri biex id-dħul tad-droga fil-pajjiż ikun imwaqqaf.
//= $special ?>