Net Sports tkellem mas-CEO ta’ Ħamrun Spartans Marcel Bonnici u s-Segretarju tal-MFA Angelo Chetcuti dwar dak li ġara lbieraħ u d-diskussjonijiet li saru bi preparazzjoni għal din il-partita.
It-Tlieta filgħaxija Ħamrun Spartans laqgħu f’pajjiżna liċ-champions tal-Iżrael Maccabi Haifa fl-ewwel leg tal-Ewwel Round ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, partita li kienet imtappna minn inċidenti li ħolqu l-partitarji ta’ Maccabi bil-konsegwenza li l-logħba kellha tieqaf għal ħin twil.
Il-partita ntlagħbet fis-Centenary Stadium bl-Ispartans, kif kien mistenni, jbiegħu il-biljetti kollha filwaqt li l-Iżraeliti jġibu magħhom mijiet ta’ partitarji.
Ħamrun ħadu tliet kwarti tal-istands bil-kwart l-ieħor ikun mimli b’partitarji Iżraeliti u b’sezzjoni żgħira ta’ Iżraeliti jkunu parti mill-VIP, probabilment diriġenti jew xi parantela tal-plejers. Il-partitarji Ħamruniżi u dawk ta’ Maccabi kienu separati biss b’barrikati tal-ħadid u b’numru ta’ Pulizija magħhom. Mhux sigriet u kulħadd kien jaf li l-partitarji ta’ Maccabi mhumiex mill-ħelwin, u kif kull minn isegwi l-futbol Ewropew jaf, dawk li jivjaġġaw mat-tim f’logħbiet barra l-pajjiż normalment ikunu Ultras u l-aktar li joħolqu atmosfera u sfortunatament xi daqqiet anke inkwiet.

Imma dawn l-affarjiet jiġu kkunsidrati mill-MFA wara li jitilgħu il-poloz u jkunu magħrufa l-avversarji tat-timijiet Maltin? Issir riċerka dwar il-partitarji tat-tim avversarju u kif iġib ruħu meta jmur jilgħab barra l-pajjiż? Isiru laqgħat f’dan ir-rigward bejn l-MFA, il-Pulizija u l-klabb Malti involut? Il-Pulizija li kien hemm kienu biżżejjed?
Hija xi ħaġa naturali li jqumu dubji u mistoqsijiet bħal dawn għaliex wieħed jifhem li jekk dawn kollha msemmija saru, speċjalment riċerka dwar il-partitarji avversarji, f’dan il-każ ta’ Maccabi Haifa, naħseb li kieku l-logħba ma’ kienetx issir fis-Centenary Stadium u jekk saru dawn ir-riċerki u xorta ttieħdet deċiżjoni li l-logħba tintlagħab hemm mela allura minn iddeċieda għandu x’jirrispondi.
Net Sports tkellem ma’ s-CEO ta’ Ħamrun Spartans Marcel Bonnici dwar dak li ġara u kif seta’ jiġi evitat dan kollu.
”Bħala klabb antiċipajna dan kollu u bgħatna ittra lill-UEFA ġimgħa ilu li tagħha ma rċevejna risposta qatt. Eżatt wara l-polza f’Nyon, iltqajna u staqsejna lil Maccabi Haifa biex nibdlu l-fixture sabiex inkunu nistgħu nużaw l-Istadium Nazzjonali, mistoqsija li anke għamilna lill-UEFA”
Bonnici saħaq ukoll li Ħamrun Spartans talbu lill-MFA biex il-logħba tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali.
”Staqsejna wkoll lill-MFA biex il-logħba tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali iżda din ma aċċettatx bir-raġuni tkun li fih qed jintlagħbu l-logħob tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena. Dan kollu jfisser li aħna bħala klabb antiċipajna l-inċidenti li nqalgħu u mhux biss, esperjenzajna inċidenti li marru oltre minn dak li mmaġinajna”
Mistoqsi dwar il-Pulizija preżenti fl-istadium Bonnici qal li r-risposti għandhom ituhom huma.
”Il-Pulizija huma responsabbli għas-sigurtà qabel, waqt u wara l-partita u għalhekk dwar dan ir-rigward għandhom jirrispondu huma. Li partitarji avversarji jitfgħu flares u jweġġgħu tfal huwa inaċċettabli u bħala klabb nistennew spjegazzjoni”
L-ewwel inċidenti tat-Tlieta filgħaxija bdew fl-ewwel taqsima meta l-partitarji taċ-champions tal-Iżrael tefgħu xi flares fil-pitch fejn kien evidenti l-ħsara li saret fuq il-wiċċ. Wara ftit ħin is-sitwazzjoni ġiet għan-normal u l-partita kompliet bl-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima jkun dak ta’ 2-0 favur Maccabi. Fit-tieni taqsima Ħamrun ħarġu aggressivi u saħansitra laqtu l-lasta permezz ta’ Bjelicic. Minn hawn beda l-ikbar inkwiet hekk kif aktar flares bdew jintefgħu fil-ground fejn din id-darba s-sitwazzjoni deheret li bidet tkun anqas taħt kontroll u r-referee ordna l-plejers taż-żewġ timijiet jidħlu ġewwa minħabba s-sigurtà.
Fost il-kommossjoni li nqalgħet dak il-ħin, inxtgħel flare ieħor li iżda din id-darba ma ntefgħax fil-pitch iżda fl-istands ta’ fejn kienu l-partitarji Ħamruniżi. Kien hawnekk li kompliet teskala s-sitwazzjoni għaliex ovjament kibret sewwa r-rabja tal-Ħamruniżi minħabba l-fatt li fejn intefa’ l-flare kien hemm numru ta’ familji bit-tfal u faċilment seta’ jweġġa’ xi ħadd.
Imsomma, dan idur kollox ma’ mistoqsija waħda. Il-logħba kellha tintlagħab fis-Centenary Stadium fejn il-partitarji avversarji huma daqsekk viċin xulxin u viċin il-pitch?
Net Sports tkellem ukoll mas-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti rigward dak li ġara t-Tlieta filgħaxija.
Staqsjena lil Chetcuti dwar x’inhi r-raġuni li l-logħba ma setgħetx tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali.
“Is-Centenary Stadium kien l-unika faċilità disponibbli ċċertifikat għal dawn il-logħbiet minħabba l-obbligi marbuta mal-UEFA U19 Championship li għaddej bħalissa. Normalment ir-raġuni ewlenija għala l-Ewwel Round u t-Tieni Round ta’ Kwalifikazzjoni ma jintlagħbux fl-Istadium Nazzjonali tkun marbuta mat-tibdil tal-ħaxix tal-pitch. F’dan il-logħob, l-Assoċjazzjoni prattikament tikri l-użu tal-istadium lill-klabbs rispettivi u tassistihom fejn hemm bżonn, flimkien mal-Pulizija fejn jidħol l-ordni pubbliku.”‘
Fi Stqarrija l-Pulizija qalet li wettqet tfittixijiet fuq kull persuna li kienet dieħla ġewwa l-istadium u fuq xi partitarji ta’ Maccabi Haifa instab xi materjal pirotekniku (flares), anke fejn il-partijiet intimi tagħhom.
Fl-istqarrija, il-Pulizija nnutaw li immedjatment ħadu kontroll tas-sitwazzjoni u ġew evitati aktar inċidenti, kif ukoll irrimarkaw li l-ebda persuna ma sofra ġrieħi, u fl-ebda ħin is-supporters m’avviċinaw lejn xulxin.