Internazzjonali

Is-Summit tan-NATO: Dikjarazzjoni oħra ta’ appoġġ lill-Ukrajna — u twissija lir-Russja li ma tiddeċidix hi dwar l-isħubija tal-Istati fl-Alleanza

Is-summit tan-NATO organizzat f’dawn il-jumejn fil-Litwanja intemm b’sinjal ċar li l-Alleanza tal-Punent se tkompli titratta mal-Ukrajna bħala pajjiż sovran u indipendenti u li hu ‘aktar qrib tan-NATO minn qatt qabel.’

Sadanittant, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky – li kien fost il-protagonisti bħala l-mistieden speċjali għas-summit –faħħar ir-riżultati tas-summit anki jekk ammetta li kien qed jistenna li l-Ukrajna kienet se tingħata stedina formali biex issir parti min-NATO…Offerta li bagħet ma tressqitx iżda li kapaċi ssir realtà fil-futur.

Fl-ewwel jum tas-summit, Zelensky kien ikkritika lin-NATO talli l-Alleanza, allegatament, ma kenitx qed tagħti ‘l-urġenza meħtieġa’ lill-applikazzjoni tal-Ukrajna biex tissieħeb fin-NATO.

Madankollu – u qabel ikkonkluda s-summit – il-President Ukren addotta ton ħafna aktar konċiljatorju u qal li jifhem għalfejn xi pajjiżi huma kawti dwar l-isħubija tal-Ukrajna fl-Alleanza peress li ‘ħadd ma jrid li tinqala gwerra dinjija’

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg, waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Vilnius flimkien ma’ Zelensky, qal li l-Ukrajna tinsab viċin is-sħubija fl-Alleanza.

U bħala twiddiba ċara lir-Russja – Stoltenberg tenna li n-NATO ‘qatt mi se tippermetti li Moska tiddetta liema pajjiż jista’ jew ma jistax ikun membru f’din l-organizzazzjoni ta’ difiża fuq livell internazzjonali’

Lejn l-aħħar tas-summit, tkellem anki s-Segretarju tad-Difiża Britanniku, Ben Wallace, li indirizza l-kritika inizjali ta’ Zelensky. Wallace sostna, fost oħrajn, li ‘in-nies tal-Punent iridu jaraw gratitudni u apprezzament mingħand l-Ukreni għall-għajnuna kbira li l-pajjiżi qed jagħtuhom fil-forma ta’ armamenti sofistikati u mezzi oħra biex jgħinu għad-difiża ta’ pajjiżhom.’

‘Difiża li għandha tkompli għat-tul taż-żmien’

Meta tratta t-talbiet kontinwi tal-Ukreni għall-armamenti, Wallace sostna li l-Gvernijiet tal-Punent ma jistgħux jitqiesu bħala estensjoni tal-kumpannija multinazzjopnali tal-Amazon li tipprovdi kwantità ta’ servizzi skont it-talba. Madankollu hu faħħar lill-Ukreni talli qed jiġġieldu ‘b’mod nobbli u qalbieni’ kontra r-Russja fi gwerra li minnha tiddependi l-libertà ta’ ħafna pajjiżi.

Fl-aħħar tas-summit, Zelensky iltaqa’ mal-President tal-Istati Uniti Joe Biden, b’talaħħar jagħmel diskors ta’ għeluq wara li kien iltaqa’ mal-mexxejja l-oħra tal-G7 – l-aktar seba’ pajjiżi industrijalizzati – f’Vilnius.

Biden wiegħed li l-G7 se jgħin lill-Ukrajna biex tibni ‘difiża soda fl-art, fl-ajru u fil-baħar’ permezz ta’ tagħmir militari modern u avvanzat.

‘Aħna bħala alleati ( tan-NATO) naqblu li l-futur tal-Ukrajna huwa fin-NATO u l-Punent qed jaħseb biex jaċċerta li l-appoġġ għall-Ukrajna se jkompli bħala proċess għat-tul taż-żmien’, sostna Biden.

Warajh tkellem Zelensky li rringrazzja lill-Mexxejja tal-G7 u tal-pajjiżi l-oħra tan-NATO talli impenjaw ruħhom għall-garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna.

Il-President Ukren, f’dan il-punt, irrefera għal arranġamenti ‘bilaterali u multilaterali’ waqt li aċċenna għall-fatt li numru ta’ Stati anki taw impenji ta’ sigurtà lil Kiev fuq bażi individwali.