Lokali Parlament

Jeħtieġ attenzjoni għar-rotot ta’ navigazzjoni

Ivan Castillo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal fil-parlament li jeħtieġ jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex meta ssir żona ekonomika esklussiva fuq il-baħar, ikun hemm kunsiderazzjonijiet dwar ir-rotot ta’ navigazzjoni.

Fid-dibattitu parlamentari dwar il-ħolqien ta’ żona ekonomika esklussiva fuq il-baħar, Ivan Castillo qal li 70% taż-żgħażagħ qed jagħżlu li jitilqu mill-pajjiż u sostna li dan minħabba pagi baxxi u l-ogħla rata ta’ faqar fil-pajjiż. Hu kompla li f’10 snin ta’ gvern Laburista ma kien hawn settur wieħed ġdid fil-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalsta qal li l-gvern ħoloq biss xogħol ta’ kwalità baxxa li m’huwiex jikkontribwixxi għall-ekonomija fil-pajjiż. Hu kompla li aktar minn 50% tal-ħaddiema ma jaqbżux il-paga medja; l-istess bħal 80% tal-ħaddiema barranin.

Ivan Castillo qal li l-PN kien diġà tkellem dwar żona ekonomika esklussiva u appella beix isiru l-kunsiderazzjonijiet neċessarji biex ma jitwaqqafx investiment li jista’ jsir fil-futur.

Fost dawn hemm ir-rotot ta’ navigazzjoni li għandu l-pajjiż u l-kunsiderazzjoni li ma jingħalqux il-portijiet Maltin. Hu appella biex l-awtoritajiet ikunu viġilanti u titnaqqas il-burokrazija u biex tinħoloq Qorti Marittima.