Lokali Qorti

Konferma minn esperti forensiċi li l-vittma mietet fgata fid-dar ta’ ommha f’Raħal Ġdid

Esperti forensiċi kkonfermaw fil-ġuri li Maria Lourdes Agius mietet wara li kienet fgata għall-mewt, bl-espert Dr Mario Scerri jgħid li t-tbenġil ta’ għonqha kien jindika li hekk kien ġara, u li dan kien ukoll ikkonfermat fl-awtopsja.

Dan ħareġ meta kompla l-ġuri fil-konfront ta’ Michael Emmanuel, l-eks sieħeb tagħha ta’ 33 sena mill-Kosta tal-Avorju, mixli bil-qtil tagħha fil-15 ta’ Settembru tal-2018. Agius, omm ta’ seba’ itfal ta’ 35 sena residenti Raħal Ġdid kienet nstabet mejta fis-sodda tagħha.

L-esperti qalu wkoll li hija kienet ukoll intlaqtet darbtejn f’rasha, u kellha tbenġil ma’ ġisimha kollha, speċjalment fl-inħawi tal-għonq. Kellha wkoll qatgħa f’ħalqha, li l-esperti qalu li x’aktarx li seħħet waqt li kienet qed tiġi strangolata.

Fix-xhieda tiegħu, it-tabib Scerri qal li meta eżamina l-katavru għall-ħabta tad-9am. fil-15 ta’ Settembru 2018, irriżulta li Maria Lourdes Agius kienet ilha madwar tmien sigħat mejta. Tenna wkoll li meta aktar tard eżamina lill-akkużat id-Depot, ma sab l-ebda ġrieħi fuqu.

Meta kien muri s-salib li Emmanuel allega li użah fuq Maria-Lourdes, it-tabib Scerri qal li s-salib ma kienx kompatibbli mal-ġrieħi li sab fuq il-katavru ta’ Maria Lourdes Agius. Scerri qal ukoll li meta eżamina l-katavru tal-vittma u dawwarha kellha tbenġil fuq wiċċha, tbenġil fuq għonqha u black eye fuq in-naħa tax-xellug.

Sostna li l-katavru ttieħed immedjatament fil-kamra mortwarja l-isptar fejn kompla jeżamina l-katavru hemmhekk. Fuq in-naħa ta’ ġewwa ta’ xofftejha, kellha qsim u brix kompatibbli ma’ soffokazzjoni u kellha wkoll diversi tbenġil fuq għonqha u fuq sidirha.

Qal li mbagħad saret l-awtopsja u rriżulta li Maria-Lourdes Agius mietet fgata kaġun ta’ pressjoni fuq għonqha u fuq ħalqha. Mill-awtopsja rriżulta li taħt il-qurriegħa, Maria Lourdes kellha tbenġila kbira u emoraġija u xehed li dawn seħħew qabel mietet.

Sadanittant tard it-Tlieta wara nofs inhar sar l-aċċess fil-post ta’ Lourdes Raħal Ġdid fejn il-vittma nstabet mejta fuq is-sodda wiċċha fid-direzzjoni tal-ħajt. Il-ġurati segwew bl-attenzjoni id-dar ta’ fejn seħħ id-delitt.

Il-ġuri li daħal fi-tielet jum, l-akkużat Emmanuel qed jiġi akkużat b’seba’ Kapi ta’ Akkuża li jinkludu wkoll li jumejn qabel qatel lil Agius wettaq atti ta’ vjolenza domestika fuqha u fuq ommha u li kien fil-pusses ta’ dokumenti foloz. Jinsab mixli wkoll li fil-jiem ta’ qabel il-qtil ikkaġuna ġrieħi gravi kemm lill-vittma kif ukoll lil ommha li kienet tgħix fl-istess appartament magħhom.

Akkużi oħra li qed jiffaċċja Emmanuel huma li m’obdiex ordnijiet leġittimi tal-awtorità u li kien f’pussess ta’ karta tal-identità u liċenzja tas-sewqan Griegi, li t-tnejn kienu foloz. Wara nofs inhar beda jixhed is-Supretendent James Grech, wieħed mill-investigaturi tal-omiċidju.

James Grech, li dak iż-żmien kien Spettur qal li dakinhar, għal ħabta tas-7am Michael Emanuel daħal l-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid fejn qal lill-pulizija li huwa mar iqajjem lil mara iżda ma kinitx qed tiċċaqlaq.

Qal li fuq il-post marru l-pulizija u sabu lill-ommha, Maria, li qaltilhom li bintha baqgħet rieqda, imma taħseb li ġralha hekk minħabba li jumejn ilu qalgħet xebgħa mill-akkużat f’każ ta’ vjolenza domestika. Grech ikkonferma li l-Pulizija sabu lil Maria Lourdes Agius mimduda fuq is-sodda tħares lejn il-ħajt.

Qal li l-ewwel impressjoni kienet li l-mara kienet rieqda, iżda s-surġent li mar fuq il-post kien jaf bir-rapport tal-vjolenza domestika ta’ jumejn qabel u kellu suspett li din setgħet kienet mejta. Kien hawn li qamet kommossjoni bejn l-omm il-vittma u l-akkużat, bil-pulizija ttella’ lill-akkużat fuq il-bejt sabiex ifirduhom.

L-akkużat qalihom li dak il-lejl kellhom x’jaqsmu sesswalment flimkien 

Michael Emanuel qal lill-Pulizija li dak il-lejl li nqatlet kellhom x’jaqsmu sesswalment flimkien u raqdu f’xi l-10pm. Meta qam, insista li meta pprova jqajjem lil Maria Lourdes Agius, ma qamitx. Grech kompla jgħid li l-koppja kienu għamlu sentejn jgħixu l-Qawra u sentejn qabel seħħ il-qtil marru joqogħdu m’omm il-vittma f’Raħal Ġdid. 

Ix-xhud qal li jumejn qabel, jiġifieri fit-13 ta Settembru, omm il-vittma qalet lill-Pulizija li Michael Emmanuel u Maria Lourdes Agius argumentaw, bl-akkużat isir vjolenti u beda jagħti lill-vittma u lill-ommha.

Qalet li kien beda jagħtiha bis-sieq u bis-siggu fuq darha. Iż-żewġ nisa kienu ttieħdu l-isptar Mater Dei MDH fejn ġew iċċertikfikati mit-tobba tal-isptar li kellhom ġrieħi ħfif. Dwar dan il-każ Grech qal l-vittma u ħuha keċċewh mid-dar u spiċċa jorqod barra fit-triq. Qal li dakinhar l-Pulizija ppruvaw iċemplu lill-Aġenzija Appoġġ biex isibulu fejn joqgħod, iżda ħadt ma qabad it-telephone min-naħa tal-Appoġġ.

Għal Emmanuel qed jidher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace filwaqt li l-Avukati Maria Francesca Spiteri u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali. L-Avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana qed jidhru għal parte civile, f’dan il-każ omm u ħu l-vittma.