It-Tlieta filgħaxija, il-11 ta’ Lulju, l-Eċċellenza Tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella, laqa’ fil-Palazz ta’ Sant’Anton lill-ewwel Poeta Lawreata ta’ Malta, Maria Grech Ganado, waqt ċelebrazzjoni li fiha ġiet ippreżentata wkoll l-ewwel ġabra ta’ Grech Ganado bħala Poeta Lawreata – The Bell – ippubblikata minn Kotba Calleja.
It-titlu ta’ Poeta Lawreat ingħata lil Grech Ganado fl-2019 mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), wara li l-poeta reġgħet rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tal-poeżija. B’kollox, Grech Ganado rebħet il-Premju għall-poeżija erba’ darbiet. Fl-2015 ingħatat rikonoxximent prestiġġjuż ieħor mill-KNK, il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura.
Iċ-ċelebrazzjoni seħħet taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella. F’dan l-irwol prestiġġjuż bħala ambaxxatur tal-arti letterarja, il-Poeta Lawreata tkun għas-servizz tal-Istat Malti u tal-Presidenza għal kwalunke kontribut li jista’ jintalab mingħandha minn żmien għal żmien.
Fl-indirizz tiegħu, il-pubblikatur ta’ Kotba Calleja rringrazzja lill-President ta’ Malta u lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din l-inizjattiva. Irrimarka li l-poeżija tidentifika min aħna, u allura tgħinna niskopru lilna nfusna u tartikola dak illi jagħmilna umani. Calleja temm jirringrazzja lil Maria Grech Ganado tal-kontribut imprezzabbli tagħha, u semma kif pubblikaturi żgħar bħalu jfisser ħafna għalihom l-apprezzament muri f’mumenti bħal dawn.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri ddeskriva din l-okkażjoni bħala waħda storika li fih Malta qed itterraq fil-passi ta’ pajjiżi oħrajn li rrikonoxxew il-valur tal-poeżija. Hu sostna li l-poeżija hija tieqa fuq il-qagħda tas-soċjetà Maltija u għalhekk huwa riskju li soċjetà tinjora lill-poeti tagħha. Hu temm li kulħadd midjun mal-kontribut ta’ Maria Grech Ganado.
Fl-intervent tagħha, il-Poeta Lawreata spjegat l-importanza tal-poeżija f’ħajjitha. Hi qalet li l-isem tal-ġabra ġdida tagħha The Bell iġorr is-simbolu tal-qanpiena, li hija immaġni ħajja tal-ħin u l-kelma kif il-qanpiena isservi sabiex tqassam u tiddefenixxi ż-żmien, hekk ukoll il-poeżija tartikola ż-żmien tal-bniedem.
Il-President ta’ Malta George Vella għalaq is-serata billi awgura li dan l-unur jagħti spinta, u juri l-apprezzament u r-rikonoxximent mistħoqq lill-poeti Maltin u l-poeżija Maltija bħala espressjoni artistika tal-ogħla livell. Hu stqarr li jittama wkoll li dan l-unur jirrikonoxxi għarfien u apprezzament lill-poeta Malti bħala l-vuċi tal-kuxjenza tas-soċjetà fl-ogħla livell tal-istat. Il-President ta’ Malta awgura lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ikompli bil-ħidma li jonora xogħol il-poeti Maltin u jirrikonoxxi xogħolhom bħala servizz lejn ir-Repubblika u lejn l-iżvilupp kulturali Malti.
Maria Grech Ganado, imwielda fl-1943, kienet l-ewwel mara Maltija li ħadmet bħala lettur full-time fl-Università ta’ Malta, fid-Dipartiment tal-Ingliż. Ippubblikat ħames ġabriet ta’ poeżija bil-Malti: Iżda Mhux Biss (1999); Skond Eva (2001); Fil-Ħofra Bejn Spallejha (2005); Monografija (2010); Taħt il-Kpiepel t’Għajnejja (2014), u ħames ġabriet bl-Ingliż: Ribcage (2003); Cracked Canvas (2005); Memory Rape (2005); Framed (2018); u The Bell (2023).
Xogħolha nqaleb għall-Franċiż, għat-Taljan, għall-Ġermaniż, għall-Grieg, għall-Ispanjol, għat-Tork, għall-Għarbi, għal-Litwan, għall-Finlandiż, għaċ-Ċek, għall-Katalan, għall-Islovakk, għall-Ungeriż, għall-Olandiż u għall-Armen. Grech Ganado ħadet ukoll il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika ta’ Malta fl-2000, u fl-2023 ingħatat Dottorat (Honoris Causa) mill-Università ta’ Malta għall-kontribut tagħha lil-letteratura Maltija.
//= $special ?>