Lokali

Lil min qed jipproteġi Robert Abela?

Wara l-votazzjoni li saret ilbieraħ fil-Parlament dwar jekk għandhiex issir jew le l-inkjesta pubblika dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia, jidher bic-ċar li l-Partit Laburista u partikolarment il-Prim Ministru Robert Abela hu skomdu ħafna b’dan il-każ. Bilfors tqum il-mistoqsija: lil min qed tipproteġu u xi tridu taħbu?

Evidenti iktar minn qatt qabel li qed ngħixu f’pajjiż immexxi minn nies li għalihom l-interessi personali u ta’ dawk ta’ madwarhom huwa aktar importanti mill-ġustizzja. Hemm kukkanja ta’ nies protetti, imbagħad hemm il-kumplament, ċittadini tat-tieni klassi.

Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Sandra Gauci qalet:”Aħna wara omm u missier Jean Paul Sofia! Omm injorata mill-Prim Ministru, imma omm, missier u familja li għandhom l-appoġġ ta’ eluf kbar ta’ Maltin ta’ kull kulur u opinjoni. Kieku qegħdin f’pajjiż normali tintalab ir-riżenja tal-Prim Ministru. Huwa ovvju li nistaqsu x’qed jipprova jaħbi Robert Abela. Jidher li ma għandux għal qalbu li ssir ġustizzja, donnu jrid li xi affarijiet jibqgħu mistura u jintesew kemm jista’ jkun malajr. Malta jixirqilha mexxejja li kapaċi jagħrfu t-tajjeb mil-ħażin, u mhux min jilgħab bil-kliem u jidħaq f’wiċċ pajjiż sħiħ. 

Qed nitolbu għar-riżenja ta’ Robert Abela minn Prim Ministru minħabba suspetti serji ta’ ħabi f’każ fejn żgħażugħ tilef ħajtu. Billi nafu li Robert Abela mhux se jitħarrek, nitolbu lil ftit Membri Parlamentari Laburisti li forsi għandhom xi ftit kuraġġ, biex ikunu huma li jitolbu li Robert Abela jwarrab. L-intriċċi ta’ Abela u sħabu hemm bżonn li jaraw id-dawl tax-xemx, f’ġieħ il-ġustizzja.”