Jeremie Camilleri kien qed isuq bil-veloċità ta’ 75km fis-siegħa meta tajjar lil Pelin Kaya u ma użax il-brejkijiet u għalhekk tajjarha bl-istess veloċità. Minn eżamijiet li saru rriżulta li l-brejkijiet kienu f’kundizzjoni tajba.
L-espert tal-Qorti, Mario Buttigieg, qal dan meta t-Tlieta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Jeremie Camilleri quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello. Camilleri ta’ 33 sena, residenti Ħal Lija qed jiffaċċja akkużi tal-qtil taċ-ċittadina Torka Pelin Kaya ta’ 30 sena.
Hu qed jiġi mixli bl-inċident orribbli tagħha tal-mara wara li saq il-karozza BMW tiegħu għal ġo fiha, bil-vettura tispiċċa spiċċat biex taħbat f’ristorant tal-fast food fil-Gżira f’Jannar li għadda.
Pelin Kaya, li kienet għadha kemm iċċelbrat għeluq sninha, inqatlet fwaqt li kienet mixja għall-affari tagħha fil-Gżira. Hija kienet sejra tiltaqa’ mal-għarus tagħha wara li ċċelebrat għeluq sninha ma’ sħabha. L-għarus tagħha kien ġie għal ta’ l-apposta magħha biex ikun magħha f’għeluq sninha.
Fil-lejl ta’ 18 ta’ Jannar, iż-żagħżugħa kienet mixja meta l-karozza misjuqa minn Camilleri allegatament bdiet isserrep u spiċċa saq għal fuqha, kaxakarha u baqa’ dieħel f’restorant. Mario Buttigieg xehed kif minn informazzjoni li ġabar, l-aribags infetħu meta l-karozza kienet għaddejja bil-75km fis-siegħa meta baqa’ dieħel fil-ħajt. Madankollu, qabel il-ħabta, ix-xufier laqat lill-vittma li kienet miexja fuq il-bankina.
Qal li l-karozza baqgħet tiela’ l-bankina bl-istess veloċità. Hu wasal għal din il-konklużjoni għax ħa kunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-vittma u d-distanza li tkaxkret. Qal li l-veloċità kienet l-istess bħalma kienet meta ħarġu l-airbags.
Xehed li r-riżultati juru li Camilleri fl-ebda ħin ma uża l-brejkijiet u dan ħareġ wara li l-karozza ġiet iċċekkjata u ma nstab li ma kellha xejn ħażin. Mistoqsi mill-Maġistrat Rachel Montebello, Buttigieg, qal li l-brejkijiet kienu qed jaħdmu tajjeb.
Camilleri, imwieled Toulouse minn missier Malti-Alġerin u omm Franċiża, huwa tifel waħdieni, li kien jgħix ma’ ommu f’dar f’Ħal Ħal Lija u li aktar tard mar joqgħod fl-istess lokalità f’residenza għalih, qabel ma spiċċa l-ħabs b’rabta ma’ dan il-każ.
Camilleri qed jiġi akkużat ukoll li kkaġuna feriti gravi fil-konfront tal-vittma, li kkaġuna ħsara fil-ġisem tagħha, kkaġuna ferita ħafifa fuq ċertu John Muscat u persuni oħra, għamel ħsara f’pompa tal-petrol, saq karozza b’mod perikoluż f’post pubbliku meta kien taħt l-effett tad-droga u xorb alkoħoliku.
Huwa ġie mixli wkoll li attakka uffiċjali pubbliċi bi vjolenza, ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, kellu fil-pusses tiegħun d-droga kokaina u s-sustanza Diazepam u li kiser ordni ta’ probation. Ħareġ li Camilleri kien qed isuq karozza tal-għamla BMW u tajjar lil Pelin Kaya, meta kienet miexja ħdejn il-pompa tal-petrol Paul & Rocco fi Triq Testeferrata għall-ħabta tas-1am. ta’ nhar l-Erbgħa, 18 ta’ Jannar.
Is-sewwieq irriżulta pożittiv b’livelli għoljin għall-kokaina u l-alkoħol waqt testijiet li saru fl-Isptar Mater Dei wara l-inċident. Il-filmati miksuba waqt l-investigazzjonijiet urew kif is-sewwieq saq dritt għal ġo Keya u li hu ma kienx tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu. Skont il-Pulizija u l-filmati Camilleri ħareġ mill-karozza u tefa’ l-ġebel lejn il-vittma hekk kif kienet mimduda fl-art.
Camilleri kien diġa tressaq il-Qorti u kiser il-liġi fl-età ta’ 23 sena, meta fl-2012 ammetta li kkometta €900 f’danni fuq proprjetà ta’ mara u ngħata sentenza sospiża ta’ sena. Camilleri kien involut ukoll f’inċident ieħor f’Novembru li għadda, meta xi ħadd tefa’ apparat splussiv żgħir f’daru minn tieqa u mbagħad ħarab.
Fl-4 ta’ Jannar li għadda huwa ammetta reat ta’ serq f’ammont żgħir minn ħwienet tal-ikel f’Tas-Sliema u Ħ’Attard u li kiser ordni ta’ probation wara li nstab ħati għal reat ieħor minn Qorti f’Għawdex fi Frar tal-2021.
L-Ispettur Kurt Zahra qed imexxi l-Prosekuzzjoni bl-għajnuna tal-avukati tal-AĠ Kaylie Bonnett u Nathaniel Falzon. L-avukat Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Ramona Attard qed jirrappreżentaw l-familja tal-vittma. L-Avukati Alfred Abela u Renè Darmanin qed jidhru għal Jeremie Camilleri.
//= $special ?>