Lokali

Missio Malta tlaqqa’ missjunarji minn pajjiżi differenti li qegħdin iwettqu xogħol missjunarju f’Malta

Missio Malta laqqgħet saċerdoti, sorjiet u persuni reliġjużi li bħalissa qed iwettqu xogħol missjunarju
f’Malta li ġie diskuss f’laqgħa x-xahar li għadda. L-attività, li sseħħ darbtejn fis-sena ġabret 32 missjunarju minn disgħa pajjiżi minn madwar id-dinja.

“Dawn il-laqgħat huma importanti ħafna għalina, hekk kif jagħtuna l-opportunità li niltaqgħu mal-
individwi ġenerużi li jiddeċiedu li jiddedikaw ħajjithom biex jgħinu lill-oħrajn. F’Malta għandna numru sabiħ ta’ reliġjużi li jaħdmu f’oqsma differenti fil-komunità, u xogħolna bħala Missio Malta huwa li huma
jħossuhom milqugħin fostna,” qal Victor Agius Direttur Nazzjonali Missio Malta.

“Fi kliem il-Papa Franġisku waqt l-Assemblea Ġenerali Annwali tas-Soċjetajiet Missjunarji Pontifiċji,
f’Ruma iktar kmieni din is-sena, neħtieġu noħolqu ambjent li jilqa’ lil kulħadd, hekk kif nimpenjaw ruħna
biex insaħħu sens ta’ familja u ftehim madwar id-dinja,” Agius qal. “Il-komunità Kristjana hija
missjunarja fin-natura tagħha, hekk kif kull Nisrani mgħammed huwa mħeġġeġ li jissokta l-missjoni ta’
Kristu”.

Bl-istess mod li Missio Malta tiffaċilita u ssostni ħidma missjunarja f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, hekk ukoll
issostni persuni li jkunu ġejjin minn dawn l-istess pajjiżi, biex jaħdmu f’Malta. Il-laqgħa kienet indirizzata ukoll min-Nunzju Appostoliku, Arċisqof Savio Hon Tai-fai kif ukoll il-Badessa tal-Ordni Ġerosolimitan tas-Sorjiet ta’ San Ġwann Battista, Sr Christine Borg. Il-laqgħa nżammet fil-monasteru tal-istess ordni tas-sorjiet fil-Belt Valletta.

Sr Christine flimkien ma sorjiet oħrajn, taw informazzjoni dwar l-istorja rikka tal-Ordni tagħhom u l- Monasteru fi Triq Sant’Ursola.

Il-laqgħa ma’ saċerdoti u sorjiet minn pajjiżi tal-missjoni fl-Afrika u l-Ażja, tifforma parti mill-missjoni ta’
Missio ta’ evanġelizzazzjoni, u sostenn ta’ knejjes ġodda madwar id-dinja.